Internazzjonali

Ras imb’ras fl-elezzjoni Presidenzjali; Trump jgħid li d-Demokratiċi “qed jipprovaw jisirqu l-elezzjoni”

Trump irringrazzja lin-nies għall-appoġġ kbir li tawh lin-nies

Wara lejl twil ta’ tensjoni u stennija, sa issa għadu mhux ċar min ħareġ rebbieħ mill-elezzjoni Presidenzjali Amerikana. Dan hekk kif il-President attwali Donald Trump u l-isfidant tiegħu Joe Biden bħalissa jinsabu ras imb’ras bis-siġġijiet fil-Kulleġġ Elettorali.

Donald Trump jidher li se jkun qed jagħmel rebħa importanti fi Florida. Filwaqt li Biden kiseb riżultat favurih fl-istat ta’ Arizona. Stati oħra bħal Georgia, Pennsylvania, Wisconsin, Michigan u North Carolina mistennija jkunu kruċjali għar-riżultat finali. 

Skont Trump, illi tkellem għall ħabta tat-8:20am (ħin ta’ Malta) hu ħareġ rebbieħ f’Georgia, North Carolina u anke Pennsylvania. Għalkemm iċ-ċifri sa issa juru li dan kien kliem prematur.

“Ir-rebħa fi Florida kienet tremenda”, qal Trump f’diskors indirizzat lis-sostenituri tiegħu. Il-President kien ċar fi kliemu – “irbaħna din l-elezzjoni”.

Analisti politiċi qed jgħidu li jafu jgħaddu ġranet sakemm inkunu nafu r-riżultat uffiċjali. Għalkemm Trump għamilha ċara li lest imur il-Qorti Suprema biex jikkonferma r-riżultat, għaliex skont hu d-Demokratiċi “qed jipprovaw jisirquha”…u sejjaħ il-proċess kollu bit-terminu “azzjoni ta’ frodi”.

Aktar dettalji fil-ħin li ġej.