Lokali

WARA L-ISTORJA LI ĦARĠET IL-ĦADD: Skiet totali mill-Gvern u mill-Partit Laburista

Ħadd mill-Partit Laburista ma jiċħad l-istorja li dehret fuq it-Times

Għaddew tliet ijiem minn mindu ħarġu l-ewwel rapporti li implikaw politiku Laburista illi kien involut fl-attentat ta’ hold-up fuq il-bank HSBC fl-2010 u sa issa, skiet totali mill-Partit Laburista. Skiet totali minn Kastilja. Skiet totali mill-membri tal-Kabinett, li qed ikunu viżibbilment skomdi jwieġbu domandi dwar dan l-aħħar skandlu li qed jaffaċċja Robert Abela.

Tul il-jum Net News saqsa lil Stefan Zrinzo Azzopardi, illum Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, min se jġorr ir-reponsabbiltà politika għal dak li seħħ fiż-żmien meta hu kien President tal-Lejber.

Viżibbilment skomdu għad-domandi tagħna… Zrinzo Azzopardi wieġeb hekk: “Aħna qegħdin committed li nilħqu l-aqwa miri ta’ pajjiżna biex pajjiżna jkompli jimxi ‘l quddiem”.

Ir-rettorika uniformi baqgħet tippersisti wkoll fit-tweġiba għad-domanda tagħna dwar jekk il-Partit Laburista hux se joħroġ xi forma ta’ stqarrija biex jiċħad din l-istorja…. huwa weġibna bl-istess mod, “dan il-Gvern qed jaħdem għall-ġid tal-poplu, biex jilħaq l-aqwa miri għal pajjiżna”.

L-istess diska rrepetiha d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, fejn kien skomdu għall-aħħar u ħarab milli jwieġeb billi sab refuġju fid-domandi tal-ġurnalisti l-oħra…. u ftit li xejn fittex il-mikrofonu ta’ Net News u fejn ġurnalisti oħra tħallew isaqsu aktar minn darba, aħna ma ngħatajniex dan l-ispazju.

“Jien nemmen fil-kors tal-ġustizzja”, bi Chris Fearne ma jweġibx jekk il-Partit Laburista hux se joħroġ xi forma ta’ stqarrija jiċħad din l-istorja.

Sadanitant Chris Fearne ma ċaħadx ukoll l-istorja li dehret fuq it-Times u ma weġibx fuq min se jerfa’ r-responsabbiltà politika fuq dak li qed ikun implikat… u minnufih daħal ġewwa l-Berġa tas-Saħħa ta’ Ħal Għaxaq.