Lokali Qorti

Fattiga mixlija li serqet b’€5,000 f’deheb u ġojjelli mid-dar ta’ fejn kienet tnaddaf

Mara ta’ 43 sena minn Ħaż-Żabbar ċaħdet akkużi li serqet deheb u ġojjelli minn dar li kienet tkun fiha peress li kienet impjegata bħala fattiga. Graziella Debono ngħatat il-libertà proviżorja wara li ġiet akkużata fil-Qorti b’serq aggravat u reċidiva mill-Ispetturi tal-Pulizija Jeffrey Scicluna u Paul Camilleri.

Hija kienet mixlija li wettqet is-serqa minn dar f’Raħal Ġdid u l-valur tas-serqa taqbeż il-€5,000. Debono, li ilha taħdem bħala maid, kienet akkużata li serqet ġojjellerija minn residenza għad-dannu tal-persuni li kienu jimpjegawha. Is-serqa allegatament seħħet fl-aħħar ġurnata tal-impjieg tagħha.

Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, b-akkużata twieġeb mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontriha. L-avukati tagħha, Stefano Filletti u Mario Mifsud, għamlu talba għal libertà proviżorja, li kienet milqugħa kontra depożitu ta’ €200 u garanzija personali ta’ €3,000.