Futbol Sport

Guillaumier jiċħad għajdut dwar il-kuntratt tiegħu ma’ Ħamrun Spartans

L-akkwist il-ġdid ta’ Ħamrun Spartans Matthew Guillaumier ċaħad kull għajdut dwaru li hu ffirma mal-klabb il-ġdid tiegħu mingħand Birkirkara, wara li kien offrut ‘appartamenti u karozzi’. F’intervista esklussiva, mis-serje ‘Replay Drive’ li tixxandar fil-programm popolari tal-Ħadd filgħaxija, Replay fuq Net Television, Guillaumier tkellem għall-ewwel darba mal-media lokali minn meta sar plejer ta’ Ħamrun b’somma rekord ta’ trasferiment għall-futbol Malti li tissupera l-€200,000.

Prodott ta’ St. Andrews, u plejer ta’ Birkirkara minn Jannar tal-2016, Guillaumier hu meqjus bħala wieħed mit-talenti l-kbar tal-futbol lokali. Hu għandu 22 sena u llum il-ġurnata sar għażla awtomatika tal-kowċ nazzjonali Malti, Devis Mangia. It-trasferiment tiegħu matul is-sajf li għadda minn ma’ Birkirkara għal ma’ Ħamrun, kien l-aħħar wieħed tal-iSpartans, f’kampanja akkwisti attiva u li kellha s-saħħa finanzjarja tal-imprenditur popolari Għawdxi, Joseph Portelli.

Fl-intervista mal-ġurnalist sportiv u presentatur tal-programmi Replay Christian Micallef, Guillaumier tkellem dwar temi oħra marbuta mal-karriera tiegħu, inkluż il-possibiltá li hu għad jista’ jkompli l-karriera tiegħu lilhinn minn Malta.

Sabiex issegwi l-intervista kollha li dehret fuq Replay ma’ Guillaumier, agħfas fuq dan il-link t’hawn taħt:

Intervista ta’ dan it-tip qed tixxandar kull ġimgħa fil-programm Replay tal-Ħadd filgħaxija, grazzi għall-appoġġ ta’ wieħed mill-isponsors ta’ Replay, Continental Cars.

Il-programmi Replay, dwar il-futbol lokali u dak internazzjonali, jixxandru fuq Net Television, tliet darbiet fil-ġimgħa f’dawn il-ġranet u ħinijiet:

‘Replay Preview’ – nhar ta’ Ġimgħa fid-9:30pm

‘Replay Live Score’ – nhar ta’ Ħadd fis-6:40pm

‘Replay’ – nhar ta’ Ħadd fid-8:45pm