Għawdex Kunsilli Lokali Lokali

Il-Kunsill tal-Munxar igawdi minn fondi Ewropej biex jirrestawra t-Torri tax-Xlendi

Il-Kunsill Lokali tal-Munxar, immexxi minn maġġoranza Nazzjonalista, gawda minn fondi tal-Unjoni Ewropea għal proġett ta’ restawr fuq it-Torri tax-Xlendi.

Fit-tnedija tal-proġett, is-Sindku Damien Spiteri spjega li l-Kunsill Lokali se jkun qed jirrestawra l-eqdem Torri f’Għawdex, li kien fi stat degredanti ħafna, grazzi għal investiment ta’ €355,000 minn fondi Ewropej.

Ix-xogħlijiet se jinkludu restawr fuq barra u fuq ġewwa, kif ukoll bini ta’ interpretation centre u investiment f’pannelli solari.

Is-Sindku rringrazzja lil dawk kollha nvoluti biex il-proġett seta’ jinbeda. Saħaq li l-Kunsill hu kommess li jibqa’ jattira aktar fondi Ewropej u nazzjonali ħalli jibqa’ jinvesti u jbiddel wiċċ il-lokalità.