Lokali Parlament

Jeħtieġ li l-agrikoltura, ir-raħħala u s-sajd ikunu salvati u ssir sorvelja fuq prodotti importati

Edwin Vassallo, PN

Id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo qal li l-pajjiż kollu jrid ikollu impenn biex l-agrikoltura, ir-raħħala u s-sajd ikunu salvati biex il-poplu jibqa’ jkollu prodotti friski u ma jibbażax biss fuq l-importazzjoni.

Meta kien qed jitkellem fil-parlament fid-dibattitu parlamentari dwar il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Edwin Vassallo qal li fi żmien budget f’pandemija u sostna li l-politiċi għandhom l-ekonomija u l-ġajjiet li jridu jsalvaw. Hu tkellem dwar l-importanza li jkollha l-agrikoltura f’dawn il-mumenti ta’ pandemija.

Il-pajjiż għandu stat ta’ emerġenza minħabba li n-numru ta’ bdiewa fil-pajjiż qed jonqos b’mod qawwi; l-agrikoltura għandha ssir prijorità biex il-pajjiż ma jispiċċax bla bdiewa fulltime.

Jekk il-biedja mhux se tkun salvagwardjata, dan is-settur se jintilef. F’dan il-pajjiż ftit hawn min qed jirrikonoxxi li l-pajjiż jista’ jitlef il-prodotti tal-agrikoltura frsika flimkien mal-majjal, ċanga, tiġieġ, ħut u ħalib.

Hu qal li hawn min jargumenta li l-importazzjoni tagħmel tajjeb għal dan in-nuqqas u sostna li r-riforma fil-pitkalija għandha tassigura li din tibqa’ tbiegħ il-provvista tal-prodtti Maltin.

Il-politiċi għandhom jiggarantixxu li l-importazzjoni tibqa’ imma jkun hemm impenn biex l-importazzjoni ma tissostitwix l-ikel frisk. M’għandniex naċċċettax li l-bdiewa u l-agrikoltura jispiċċaw; jeħtieġ bidla fl-attitudni. Il-PN fil-gvern ikun impenjat li l-bdiewa, r-raħħala u s-sajjieda jkunu salvati, sostna Edwin Vssallo, li kompla li l-gvern mhux impenjat b’mod totali biex jiddefendi lill-agrikoltura.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Ministru Ian Borg jiftaħ it-toroq b’detriment għall-agrikoltura f’diversi lokalitajiet inkluża Ħad-Dingli u Burmarrad. Hu sostna li b’dan qed jintlaqtu n-nies u appella lill-Ministru Ian Borg biex jitlob skuża meta qabbel lin-nies ma’ kallijiet.

Fuq point of order il-Ministru Ian Borg qal li hu kien kwotat ħażin u li kien qal kien li fuq il-proġett tas-Central Link f’isem il-gvern kellu l-kuraġġ jirfes il-kallijiet.

Edwin Vassallo kompla li hemm problema wkoll dwar l-ilma u tal-qbiela fimkien mal-effetti fil-bidla tal-klima li qed teffettwa lill-bdiewa u r-raħħala. Hu sostna li l-importazzjoni fil-pajjiż hi bla kontroll u tkellem dwar il-qerda tas-siġar; biex tkun salvata l-kampanja trid tkun salvata wkoll il-biedja. Ħafna mis-saġr qed ikunu distrutti u mhux ikunu rilokati; il-kampanja spiċċat bla valur għal dan il-gvern.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-gvern għandu jispjega x’impenji qed isiru biex l-agrikoltura kollha tgawdi mill-politika komuni tal-UE. Dwar l-industrija tal-produzzjoni tal-ħalib, id-deputat Nazzjonalista qal li l-arroganza qed tweġġa’ lin-nies.

Jeħtieġ li fis-suq ikun hemm min jikkontrolla, sostna Edwin Vassallo, li tkellem dwar l-importazzjoni tat-tiġieġ f’ammonti kbar mit-Tajlanda, iċ-Ċina u l-Brazil. Edwin Vassallo staqsa jekk il-konsumaturi jafux li qed jixtri tiġieġ ġejjin minn dawn il-pajjiżi u jekk dawn humiex prodotti li jassiguraw il-kwalità. Nappella għal sorveljanza fuq dawn il-prodotti, sostna Edwin Vassallo