Internazzjonali

Joe Biden viċin il-Presidenza

  • Il-Kampanja ta’ Donald Trump tiftaħ numru ta’ kawżi biex twaqqaf l-għadd tal-voti f’numru ta’ Stati

Hekk kif l-għadd tal-voti f’diversi Stati qed ikompli, Joe Biden jinsab eqreb lejn il-Presidenza tal-Istati Uniti. Skont l-aħħar estimi, Biden għandu 253 vot tal-kulleġġ elettorali, 17-il vot ‘il bogħod mill-270 meħtieġa biex kandidat ikun dikjarat rebbieħ tal-Presidenza.

Donald Trump, il-President in kariga, bħalissa għandu 213-il vot li madankollu mistenni jitla’ hekk kif jintemm l-għadd f’numru ta’ stati b’maġġoranza soda Repubblikana. Biden rebaħ numru ta’ stati kruċjali li erba’ snin ilu intrebħu minn Trump fosthom Michigan u Wisconsin F’dawn l-Istati, Donald Trump beda b’vantaġġ qawwi iżda hekk kif kompla l-għadd, Joe Biden għalaq id-distakk u spiċċa biex rebaħhom. Jekk din ix-xejra tkompli wkoll fl-Istat ġar ta’ Pennsylvania – li jassenja 20 vot – Joe Biden ikollu il-voti biżżejjed biex jiddikjara rebħa.

Min-naħa l-oħra, fin-Nofsinhar tal-Istati Uniti, Joe Biden qed igawdi vantaġġ f’Arizona u Nevada. Jekk iżomm dawn l-Istati, Joe Biden jirbaħ il-Presidenza anki mingħajr Pennsylvania.

Is-sitwazzjoni kif inhi bħalissa tindika li Joe Biden għandu iktar possibiltajiet ta’ kif jilħaq il-270 vot li jpoġġuh fil-White House milli Donald Trump, li essenzjalment irid jirbaħ prattikament l-Istati kollha li għadhom kontestati biex iżomm il-kariga.

Sadanittant, it-tim legali ta’ Trump fetaħ numru ta’ kawżi bil-għan li jitwaqqaf l-għadd f’ċertu stati kif ukoll qed jallega irregolaritajiet fil-votazzjoni fosthom f’Pennsylvania.