Lokali Qorti

L-awtoritajiet tas-saħħa użaw proċeduri żbaljata fil-konfront ta’ Neville Gafa fuq ħlas ta’ sahra

L-awtoritajiet tas-saħħa li kienu fittxew lill-ex uffiċjal Neville Gafa’ fuq €6,500 f’pagamenti allegatament żejda ta’ sahra, li skont huma ma kienx intitolat għalih għal darb’oħra tilfu il-każ tagħhom fl-appell. Dan għaliex ma użawx il-proċedura kif suppost.

F’sentenza mogħtija l-Erbgħa, il-Qorti tal-Appell ikkonfermat id-deċiżjoni mill-Qorti tal-Maġistrati mogħtija fi Frar fejn kienet ikkonkludiet li l-awtoritajiet kienu adottaw il-proċedura żbaljata meta kienu qed ifittxu li jitolbu r-rifużjoni allegatament dovuta lid-dipartiment.

Il-kwistjoni tmur lura għaż-żmien meta Gafa kien ġie maħtur ‘liason officer’ fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli għall-Ministeru tas-Saħħa, fejn qegħdin jitolbu ħlas lura ta’ €6,538.63 għal sigħat ta’ sahra li huwa diġa tħallas għalihom.

Proċeduri ċivili kkenu ġew istitwiti fl-2017 mis-Segretarju Parlamentari tas-Saħħa u Uffiċjal Mediku Ewlieni f’tentattiv biex jitolbu lura dawk il-fondi. Iċ-Chief of Staff tal-Ministeru tas-Saħħa Christian Zammit ken xehed li formola ta’ talba speċifika kienet inħarġet mill-awtoritajiet tal-finanzi wara li impjegati kienu wrew l-skuntentizza tagħhom u kienu lmentawlu dwar il-ħinijiet twal tax-xogħol tagħhom li għalihom ma kinux qed jiġu kkumpensati b’mod xieraq.

Gafa kien xehed fil-Qorti, u spjega kif kien jaħdem anke “nhar ta’ Sibt u Ħadd,” u sostna li l-ħlasijiet ta’ sahra tiegħu kienu ġew approvati wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet finanzjarji.

Iżda l-awtoritajiet mediċi ppreżentaw fil-Qorti l-kuntratt tax-xogħol ta’ Gafa mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi li ddikjara li, “l-istruttura remunerattiva miftiehma hawn fuq hija kumpens sħiħ u suffiċjenti lill-Impjegat għal kull siegħa u s-sigħat kollha maħduma fit-twettiq xieraq tad-dmirijiet tiegħu u l-Impjegat jirrinunzja għal kwalunkwe talba b’konnessjoni magħha. “

Madankollu, meta tat is-sentenza, il-Qorti tal-Maġistrati kienet irrimarkat li l-każ kien ġie ppreżentat f’termini ta’ proċedura li tippermetti lill-gvern ifittex għad-djun tiegħu.

Madankollu, dik il-proċedura qatt ma kienet maħsuba bħala dispożizzjoni ġenerali li tkopri t-tipi kollha ta’ djun, iżda biss dawk id-djun imsemmija speċifikament mil-leġiżlatur, jiġifieri dawk relatati ma’ servizzi, provvisti, kera, liċenzja u tariffi oħra jew taxxi dovuti.

Il-Qorti qalet li d-dispożizzjoni ma tkoprix ħlasijiet ta’ sahra, u b’hekk ċaħdet it-talba mill-awtoritajiet tas-saħħa li kienu intitolati li jsegwu rimedji ċivili oħra.

Dik il-pożizzjoni ġiet ikkonfermata fl-appell. F’sentenza mogħtija mill- Imħallef Lawrence Mintoff, il-Qorti ddikjarat li l-artikolu 466 tal-kodiċi ta’ organizzazzjoni u proċedura ċivili, li rrikorrew għalih l-appellanti, ma kienx maħsub biex ikopri t-tipi kollha ta’ djun tal-Gvern.

Il-Qorti ċaħdet ukoll l-argument tal-appellanti li l-Qorti tal-maġistrati kienet aġixxiet lil hinn mill-poteri tagħha billi qajmet il-kwistjoni proċedurali ex officio.

Il-kwistjoni kienet waħda proċedurali u kienet tikkonċerna kwistjoni ta’ ordni pubblika, qal l-Imħallef Mintoff, u għalhekk l-ewwel Qorti kienet aġixxiet b’mod korrett u kienet interpretat id-dispożizzjoni skont l-ispirtu tal-liġi.

Fir-rigward tal-merti tal-każ, l-evidenza tista’ tiġi vvalutata fi proċeduri ċivili oħra disponibbli għall-awtoritajiet biex jitolbu lura l-pagamenti allegatament mhux dovuti.