Lokali

Nissaħħu Flimkien sabiex b’aktar investiment fir-riżorsi umani li għandu pajjiżna ntejbu l-livell ta’ għajxien tan-nies

L-edukazzjoni hija ċ-ċavetta għal sistema ekonomika li trendi u li jkollha fil-qalba tagħha l-ġustizzja soċjali

Fil-viżjoni tiegħu bit-12-il pilastru l-PN jerġa’ jtenni li l-unika riżorsa li għandu pajjiżna, dik tan-nies, teħtieġ u jixirqilha aktar investiment, speċjalment permezz tal-edukazzjoni. Il-faqar u l-inġustizzja soċjali nistgħu neliminawhom biss permezz ta’ ekonomija li taħdem għan-nies.

Id-Deputat Parlamentari Adrian Delia qal li qatt daqs dawn l-aħħar ftit xhur ma kien hawn min qiegħed iħares lejn il-futur b’inċertezza. Iċ-ċokon tagħna u n-nuqqas ta’ riżorsi huma element li jiddistingwuna, iżda għandna naraw kif nisfruttaw dawn l-elementi uniċi li għandu pajjiżna. L-unika riżorsa li pajjiżna għandu hija n-nies, u għaldaqstant jeħtieġ li ninvestu aktar fih.

Il-kliem tal-gvern “nerġgħu nitilqu niġru wara l-pandemija” jikxef l-mentalità li minn din il-pandemija m’aħna se nitgħallmu xejn u ma nieħdux din l-opportunità biex inbiddlu dak għarafna li jista jitjieb.

Sabiex nittrasformaw l-ekonomija tagħna, l-edukazzjoni hija fundamentali u jekk ma naħtfux din l-opportunità, nerġgħu naqgħu fis-sistema li dan il-gvern kien qiegħed iħaddem; sistema ekonomika li tiddependi biss fuq l-importazzjoni ta’ ħaddiema barranin u tkabbir tal-popolazzjoni. Għalhekk il-PN qiegħed jinsisti fuq patt soċjali ġdid, pjan ħolistiku li tassew jgħolli l-livell ta’ għajxien tan-nies.

Dan il-patt irid isir b’konsultazzjoni mal-korpi kostitwiti u l-istakeholders kollha sabiex il-gvern iserraħ moħħ in-nies li dan il-patt joffri ġejjieni aħjar għal uliedna.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni u t-Tiġdid tad-Dinja tax-Xogħol u d-Djalogu Soċjali Parteċipattiv Clyde Puli qal m’hemmx żvilupp uman mingħajr edukazzjoni. Ir-riżorsi tagħna huma biss il-bnedmin u għalhekk investiment fl-edukazzjoni huwa investiment fir-riżorsa li hija s-sinsla tal-ekonomija tagħna.

Sfortunatament, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici mhux joffri soluzzjonijiet, kemm għall-isfidi preżenti li l-qasam edukattiv qiegħed jaffaċċja kif ukoll għal kif għandna nitgħallmu minn din il-pandemija u ntejjbu s-sistema edukattiva ta’ pajjiżna. Pajjiżna nistgħu nsibu fih talent kbir fih, imma sabiex dan jimmanifesta ruħu, dan jeħtieġ investiment bi ħsieb. Pajjiżna għandu jibda diskussjoni wkoll dwar it-teknoloġija; il-pandemija tal-COVID-19 urietna li fit-teknoloġija hemm potenzjal kbir li tiffaċilita ħidmietna, inkluż fl-edukazzjoni. Il-gvern mhux jesegwixxi dakli jwiegħed; fil-baġit tas-sena li għaddiet il-gvern semma l-aspett tal-artificial intelligence fl-edukazzjoni; madankollu dan kollu sfuma u tar mar-riħ. L-Online-Learning u d-diġitlizzazjoni, permezz ta’ strateġija maħsuba, potenzjalment jittrasforma l-edukazzjoni ta’ uliedna.

Il-Minority Leader tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar Graziella Galea qalet li hu essenzjali li l-ekonomija ta’ pajjizna tkun mibnija fuq socjeta gusta ghal kulhadd u x-xogħol huwa l-qofol tal-impenn sabiex neliminaw l-faqar mis-soċjetà tagħna. Fid-dinja tax-xogħol huwa essenzjali li n-nies ikollhom pagi ġusti li ma jiddependux mill-ġeneru, l-eta jew l-klassi soċjali ta’ dak li jkun, mingħajr ma nxekklu ħidmet min jimpjega li jkun qiegħed joħloq il-ġid u jtejjeb is-soċjetà b’ħidmietu.

Madankollu, huwa inkwetanti meta naraw li statistika li tixhed soċjetà mingħajr bilanċ sħiħ fit-tifrix tal-ġid; stħarriġ tal-NSO juri li d-distakk fid-dħul bejn min jaqla’ ħafna u min jaqla’ ftit qed jikber. Ghaldaqstant il-Gvern ghandu jassigura li s-success ekonomiku, ikun wiehed mifrux bejn kulhadd. Il-pandemija tal-COVID-19 elenkat u kabbret dawn l-inġustizzji, b’aktar nies li issa jinsabu qegħda jew bi dħul mnaqqas. Hu essenzjali li kull wieħed u waħda minna jkun jista’ jgħix ħajja indipendenti, mingħajr il-ħtieġa li jittallab sempliċement sabiex jgħix.

Għalhekk huwa importanti li naħdmu sabiex jiġi introdott il-kunċett tal-living income, sabiex kulhadd ikollu dhul decenti, flimkien ma’ żidiet fil-pagi u fil-benefiċċji li jkunu b’tali mod li jwieġbu għall-ħtiġijiet ta’ min hu bi dħul baxx.