Raġel ta’ 58 sena, residenti Pembroke tpoġġa taħt ‘probation’ għall-perjodu ta’ sentejn wara li nstab ħati li waqt argument mal-mara huwa waddbilha ‘chopping board’ u sikkina u laqatha f’saqajha.
Ir-raġel instab ħati li fl-4 ta’ Novembru ta’ sentejn ilu, għall-ħabta tal-11.30 a.m., fir-resdienza tal-koppja, ikkaġuna feriti ħfief lil martu, li beżżagħha u li ħebb għaliha.
Skont ir-raġel dan kollu seħħ peress li kull darba li zijuh kien imur id-dar tagħhom, martu kienet taqbad u titla’ fuq il-bejt. Qal li qabel martu kienet titkellem ma’ zijuh, imma dan l-aħħar ma jafx x’ġara u l-argument skala fuq hekk.
Il-Prosekuzzjoni qalet li s-sikkina kienet tal-kċina, li iżda din ma ġietx elevata. L-Ispettur Leeroy Balzan Engerer qal fil-Qorti li ma setax jagħti dettalji fuq is-sikina, fis-sens li ma kienx jaf kinitx sikkina tal-laħam, sikkina tal-ħobż, jew xi tip iehor.
Spjega li r-raġel kien qed iqatta’ t-tiġieġ li kien għadu ffriżat, u l-mara tiegħu kienet qed tgħinu jagħmlu l-għaġina. Il-mara qalet li waqt li żewġha beda jqatta’ t-tiġieġ, huwa beda joffendiha u jkellimha ħażin, u qabad ic-‘chopping board’ u s-sikkina u t-tiġieġ li kien hemm fuqha f’idejh, u waddabhomlha kollha lejn saqajha.
L-argument inqala fuq l-atteġġjament tal-mara taz-ziju tar-raġel meta dan żar lill-koppja. L-Ispettur ikkonferma li qatt ma kien hemm rapporti oħra fir-rigward tal-koppja. Qal li l-koppja kienu ilhom miżżewwġa ghal 28 sena.
Huwa kkonferma li ma ħassx li r-raġel kellu jitressaq taħt arrest. Madankollu sostna li Anna Maria Preca qalet fl-istqarrija tagħha, li kien hemm episodji ta’ vjolenza domestika, iżda qatt ma għamlet rapport.
Wara li semgħet il-verżjoni tal-koppja, il-Maġistrat Simone Grech ikkonkludiet li iktar għandha mill-verità l-verżjonio tal-mara għax kienu r-raġel sabbat l-oġġetti kienu se jaqgħu ħdejh.
Hija sostniet li huwa irreaġixxa għall-kliem li kienet qed tgħid martu u wara lanqas iċċekkja jekk weġġgħetx. Meta ġiet biex tagħti s-sentenza hija ikkunsidrat li l-mara sofriet tbenġil fuq wieħed mis-swaba u li qatt ma kienet irrappurtat każ ta’ vjolenza domestika anke jekk sostniet li dan ma kienx l-ewwel każ.
Kien għalhekk li hija poġġietu taħt ordni ta’ probation għal perjodu ta’ sentejn u rabtitu għall-istess perjodu biex ma jdejjaqx lil martu. Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Leeroy Balzan Engerer.
//= $special ?>