Lokali

Robert Abela u Edward Scicluna jaħtru Chairman tal-FIAU minn wara dahar il-parlament u bi ksur tal-liġi

“Dak li għamlu Robert Abela u Edward Scicluna meta ħatru ċ-Chairman tal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) minn wara dahar il-Parlament huwa kontra l-liġi.  L-aġir ta’ Robert Abela u Edward Scicluna juri wkoll l-inkompetenza tagħhom u n-nuqqas ta’ għarfien tagħhom dwar il-funzjonijiet u r-responsabbilitajiet tal-Parlament fejn jidħlu ħatriet pubbliċi.” Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Bernard Grech qal li din hi konferma oħra ta’ kif Robert Abela qed ikompli fuq il-passi ta’ Joseph Muscat u jkompli juri diżrispett lejn l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna u tikxef kemm id-diskorsi tiegħu dwar il-governanza tajba huma biss kliem fieragħ. Dan hu aktar u aktar rilevanti llum wara li l-Parlament Ewropew għadu kif wasal fi ftehim li permezz tiegħu s-saltna tad-dritt se tkun kundizzjoni biex l-istati membri tal-Unjoni Ewropea jkunu jistgħu jużaw il-fondi tal-Unjoni Ewropea.

Bernard Grech qal li l-Oppożizzjoni mhix ser tkun kompliċi fit-taħwid tal-Prim Ministru u tal-Ministru Edward Scicluna u tistenna li jerfgħu r-responsabbilità tal-aġir illegali tagħhom u jirrimedjaw is-sitwazzjoni billi jibdew jaġixxu skont il-liġi. Dan ghaliex l-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika (Artikolu 38) jipprovdi li meta l-Prim Ministru jkollu l-intenzjoni li jinnomina persuna bħala ċ-Chairman tal-FIAU huwa għandu mill-inqas 20 jum qabel ma jkun jixtieq li l-ħatra ssir effettiva, javża bil-ħatra proposta lill-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi li huwa kumitat tal-Parlament.

Il-Kumitat Permamenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi qatt ma ġie nfurmat mill-Prim Ministru li huwa kellu l-intenzjoni li jinnomina lis-Sur Jesmond Gatt bħala Chairperson tal-FIAU u dan bi ksur ċar ta’ dak li tipprovdi l-liġi ghaliex dan sar mingħajr ma sar l-iskrutinju mill-Kumitat dwar il-Ħatriet Pubbliċi u għalhekk il-ħatra kienet illegali.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Governanza Tajba, Tisħiħ tad-Demokrazija, għaċ-Ċittadinanza u r-Riforma tas-Servizz Pubbliku Karol Aquilina qal li l-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna naqsu milli jimxu mal-proċess stabbilit mill-liġi sabiex ssir il-ħatra taċ-Chairman tal-FIAU. Il-liġi tgħid li biex persuna tinħatar f’din il-kariga, il-Ministru responsabbli, f’dan il-każ il-Prim Ministru, għandu jibgħat ittra lic-Chairman tal-Kumitat tal-Ħatriet Pubbliċi, sabiex jitnieda l-proċess ta’ skrutinju dwar l-individwu u jsir smiegħ pubbliku mill-istess kumitat. Dan il-proċess huwa intenzjonat li jeżamina l-ideonità u validità tal-persuna in kwistjoni għal din il-kariga.

Minkejja li l-liġi hija ċara l-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru Edward Scicluna għamlu din il-ħatra mingħajr l-iskrutinju parlamentari u għalhekk bi ksur ċar tal-liġi. Din il-kariga hija waħda ta’ importanza kbira hekk kif l-FIAU hija waħda mill-aktar entitajiet pubbliċi f’pajjiżna li għandha sehem fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata.

Għalhekk il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru Edward Scicluna għandhom jerfgħu r-responsabbiltà politika għal dak li għamlu bi ksur tal-liġi. Il-Ministru Edward Scicluna huwa konxju ta’ dan in-nuqqas, tant li wara li inġibdet l-attenzjoni fil-Parlament, huwa bagħat ittra lic-Chairperson tal-Kumitat tal-Ħatriet Pubbliċi sabiex jsir l-iskrutinju.

Madankollu, filwaqt li hekk inkixfet il-ħtija tal-gvern, din ma tiskużax dan l-aġir għaliex il-liġi b’mod ċar tgħid li dan l-iskrutinju isir qabel il-persuna tiġi maħtura fil-kariga u mhux wara. Dan il-mod delittantesk li l-gvern qiegħed jindirizza s-sitwazzjoni juri n-nuqqas ta’ rispett lejn il-Parlament Malti, il-liġijiet ta’ pajjiżna u tikkonferma l-inkompetenza tal-Gvern.