Internazzjonali

Stati Uniti: Jonqsu t-tamiet tad-Demokratiċi li jieħdu kontroll fis-Senat

Id-Demokratiċi qegħdin jitilfu t-tama li jieħdu l-kontroll fis-Senat Amerikan wara li marru agħar milli stennew fil-votazzjonijiet li saru fl-Istati ewlenin tal-pajjiż.

Dan meta l-elezzjoni għall-Kungress tal-Istati Uniti qed issir fl-istess żmien tal-battalja għall-White House bejn il-President Amerikan Donald Trump u l-isfidant Joe Biden.

Rebħa għad-Demokratiċi fis-Senat kienet tippermettilhom biex ‘itellfu jew jappoġġjaw’ l-aġenda tal-President li jmiss tal-Istati Uniti.

Iżda waqt li dan il-partit kellu tamiet kbar li jikseb l-erba’ siġġijiet li kellu bżonn fil-kamra ta’ fuq tal-Kungress, ħafna deputati tal-Partit Repubblikan irnexxielhom jisfidaw il-pronostiku, bir-riżultat li huma kienu eletti mill-ġdid.

Sadanittant, id-Demokratiċi mistennija jżommu l-maġġoranza fil-kamra t’isfel (The House) tal-Kungress — iżda anki f’dan il-każ huma sofrew xi telfiet li ma kenux mistennija.

Meta għad fadal ħafna voti x’jingħaddu, ir-riżultat finali għaż-żewġt ikmamar tal-Kungress Amerikan ukoll jista’ idum biex joħroġ – l-istess bħal fil-każ tal-Presidenza.

L-elezzjoni għas-siġġu li jirrappreżenta l-Istat ta’ Maine kienet fost l-akbar diżappunti għad-Demokratiċi. Dan wara li Susan Collins, tal-Partit Repubblikan, irnexxielha żżomm is-siġġu tagħha minkejja l-isfida denja tal-kandidat tal-Partit Demokratiku, Susan Gideon.