Internazzjonali

Trump u Biden: It-tnejn fiduċjużi mir-rebħa…

Il-President Donald Trump u Joe Biden it-tnejn qalu li ‘qed igawdu vantaġġ’ f’din l-elezzjoni. Dan minkejja li r-riżultat finali jista’ idum ma jidħol u bil-Partit Repubblikan u l-Partit Demokratiku qegħdin iħejju għal rikorsi legali.

Skont l-aħħar indikazzjonijiet  Joe Biden x’aktarx li rebaħ fl-Istat ta’ Michigan waqt li sorsi tal-media Amerikani qalu li l-kandidat Demokratiku ‘mar tajjeb ukoll’ f’Wisconsin. Madankollu kien għadu ma ħareġ l-ebda riżultat minn Pennsylvania li f’kull elezzjoni ħareġ bħala ‘swing state’ mill-aktar importanti.

Joe Biden għandu jikkonferma r-rebħa finali f’każ li jirbaħ f’Michigan, Wisconsin u Pennsylvania – l-Istati tar-‘Rust Belt’ fit-Tramuntana tal-Istati Uniti. Dan meta Biden jinsab anki fuq quddiem f’Nevada u Arizona – għalkemm hemm sinjali li l-President Trump kien qed jagħmel ‘rimonta’ fl-aħħar Stat.

Il-votazzjoni f’Georgia wkoll hi impredibbli, fejn Joe Biden jidher li qed inaqqas mid-distakk ma’ Trump f’din il-‘fortizza Repubblikana’. U għalkemm l-isfidant Demokratiku baqa’ ma’ iddikjarax ‘rebħa’ hu ‘fiduċjuż li t-trijonf finali se jkun tiegħu’.

Madankollu, Trump ukoll qed jidher fiduċjuż mir-rebħa finali. F’każ li l-President jitlef fl-Istat ta’ Wisconsin (b’10 voti mill-Kulleġġ Elettorali) hu irid jirbaħ f’Georgia ( b’16-il vot), North Carolina (15), Pennsylvania (20) u f’wieħed mill-Istati ta’ Arizona (11) u Nevada (6) biex jaċċerta minn tieni mandat fil-White House.