Lokali Qorti

Vince Gafferena, vittma fl-isparatura fejn inqatel kuġinuh ma jixhidx minħabba d-deni

Vince Gaffarena li kien indarab meta ntlaqat minn tiri u li kellu jkun ix-xhud ewlieni fil-kumpilazzjoni kontra żewġ żgħażagħ mixlija bil-qtil ta’ kuġinuh u l-attentat ta’ qtil tiegħu ma xehedx peress li kellu t-temperatura għolja.

Meta twaqqaf fil-bieb tal-Qorti mill-membri tas-sigurtà biex jiċċekkjawh għad-deni, irriżulta li t-temperatura kienet għolja. L-Ispettur Kurt Zahra qal li meta twaqqaf fil-bieb prinċipali tal-Qorti, u Vince Gaffarena ma tħallix jidħol inqalgħet xi ftit ta’ kommossjoni.

Madankollu s-sitwazzjoni kkalmat fi ftit ħin. L-Avukat Noel Bianco għan-nom ta’ Vince Gaffarena ikkonferma lill-Qorti li l-klijent tiegħu ma ngħatax permess li jidħol fil-bini tal-Qorti.

Il-Qorti ivverbaliżżat dak li seħħ billi qalet li hija qed tieħu konjizzjoni tal-fatt li Vince Gaffarena ma tħallix jidħol għal din il-kawża u dan skont il-protokoll mis-Supretendent tas-Saħħa, minħabba li kellu d-deni.

Il-Qorti qalet li hija kienet lesta li tisma’ x-xhieda ta’ Vince Gaffarena nhar il-Ħamis, 12 ta’ Novembru, madankollu għad irid jiġi deċiż jekk dan ikunx possibbli minħabba li testijiet fuqu, jistgħu jindikaw mod ieħor. Madankollu l-Qorti se tisma’ xhieda oħra, u f’każ li ma jkunx hemm problemi minn naħa ta’ Gafferena, dan jixhed ukoll.

Dan irriżulta meta kompliet il-kumpilazzjoni quddiem il-Maġistrat Nadine Lia fil-konfront ta’ żewġ żgħażagħ ta’ 18-il sena – Owen Schembri u Leon Debono li qegħdin iwieġbu mhux ħatja li qatlu lil Saviour Gaffarena ta’ 27 sena u l-attentat ta’ qtil fuq kuġinuh Vince Gaffarena ta’ 17-il sena.

Saviour Gaffarena kien inqatel b’tir f’rasu fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija, fl-Imqabba, fid-29 ta’ Lulju li għadda għall-ħabta tal-11.15pm. Vince Gaffarena ta’ 17-il sena kien indarab fl-isparatura wara li kien ġie sparat f’sidru u ieħor f’wiċċu, b’kollox  kienu sparati lejh tliet tiri.  

L-isparatur seħħet f’Ħal Millieru, bejn Triq iż-Żurrieq u Triq l-Imqabba, iżda l-karozza bil-feruti nstaqet sa Triq il-Konvoj fl-Imqabba.  L-ewwel xhud kien il-Konsulent fid-Dipartiment tal-Emerġenza ta’ Mater Dei it-tabib Jonathan Joslin li fid-29 ta’ Lulju li għadda mar fuq il-post tal-inċident fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija.

Huwa mar minuta wara li l-kollega tiegħu t-tabib Michael Spiteri kien wasal fuq il-post u li kien qed jieħu ħsieb lil Vincent Gaffarena. Qal li dan kien każ ta’ ‘multiple shooting’ u fil-post diġa kien hemm l-organiżazzjoni tar-Red Cross. Dawn kienu hemm minħabba li kien qed isir festival tan-nar fl-inħawi.

Il-mejjet kellu arrest kardijaku u l-vittma l-ieħor xedaq imkisser

Kien hemm żewġ vittmi, u wieħed kellu arrest kardijaku. Dan kien Saviour Gaffarena li ma kienx qed jieħu n-nifs u li ma kellux polz. Huwa kien ftit il-barra mill-bieba tal-karozza. Qal li hu wkoll ipprova jagħti l-messaġġi imma kien kollu għalxejn u kellhom iwaqqfu kollox fejn ġie kien iċċertifikat mejjet fuq il-post.

Joslin qal li l-vittma l-ieħor Vince Gaffarena kien f’sensih u konxju imma ma setgħax jitkellem peress li kien sofra minn tir fuq in-naħa tax-xellug tax-xedaq. Ma kellux demm u ndunaw li kellu żewġ bullets wieħed fuq sidru u ieħor fuq in-naħa ta’ wara.

Wara sar ‘city scan’ fejn instab li kellu xedaq imkisser u problemi fil-pulmun u li l-ġrieħi kienu klassifkati bħala gravi. Mistoqsi fuq il-ġrieħi ta’ Saviour Darmanin, t-tabib Joslin qal li peress li huwa miet f’qasir ħin, il-priorità waqgħet imbagħad fuq Vince Gaffarena.

Wara xehed it-tabib Michael Spiteri li huwa Konsulent fil-Mediċina tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei. Huwa kkonferma li Saviour Gaffarena kellu arrest kardijaku u lanqas kien qed jieħu nifs.

Kien hemm indikazzjoni li kien spiċċa ferut b’arma tan-nar. Meta mar hemm kien qed jingħata s-CPR u ppruvaw isalwah imma l-qalb ma setgħetx tibqa’ taħdem u eventwalment miet. Qal li l-ġrieħi li kellu Saviour Darmanin kienu fir-ras.

It-tabib Spiteri qal li huma ħadmu fid-dlam u ma setax jgħid ma xhiex kienu kompattibbli, minħabba li dak il-ħin l-importanti huwa li jippruvaw isalvaw il-persunu u mhux jagħmlu verifikar mal-kompattibilità tal-ġrieħi.

Wara xehdet tfajla ta’ 15-il sena li qalgħet li fil-jum tal-inċident kienet ma’ oħtha u mal-boyfriend tagħha id-dar fiż-Żurrieq. Qalet li fuq il-mobajl tiegħu huma raw permezz ta’ facebook karozza li qalilha li kien qed jagħrafha. Dak li ra kien fuq l-aħbarijiet fejn kien hemm ritratt tal-karozza.

Il-boyfriend tax-xhud beda jċempel lil Owen Schembri, wieħed mill-akkużati li għall-ewwel ma setax jaqbdu u wada dan fuq messenger qallu Good Night. Hija qalet li taf lil Leon Debono li għafitu fl-awla.  Qalet li l-għarus tagħha kien mar ma’ Schembri biex jara x’ġara.  Qalet li qalet lil Leon Debono, il-boyfriend tagħha kien ilu jafu xi sena.

Skont l-akkużati il-vittmi ħadu d-droga

Wara xehed l-Ispettur Keith Arnaud li qal li skont l-akkużati ż-żewġ vittmi f’dan l-inċident kienu qed jieħdu d-droga qabel ma kien inqala’ argument bejniethom. Qal li fil-karozza kien hemm ukoll ‘baseball bat’.

Meta kien qed iwieġeb għal domanda tal-Avukat Gianella Caruana Curran l-Ispettur Arnaid qal li kien hemm arma separata minn magażin fil-karozza. Ix-xhud spjega fit-tul kif il-Pulizija waslet biex tarresta lill-akkużati.

Qal li kien interrogat ukoll żagħżugħ ieħor, ta’ 17-il sena minn Ħaż-Żabbar, li qalilhom li kien id-dar tat-tfajla tiegħu fiż-Żurrieq bdew isegwu l-aħħar aġġornamenti minn fuq il-midja. Huwa għaraf il-vettura u jaf li Owen Schembri kien ikun ma’ Vince Gaffarena.

Owen Schembri beda jaqtagħlu u wara ċempillu u qallu biex imur ħdejh.  Iż-żagħżugħ informa lill-Pulizija li Owen Schembri kien qallu jmur ħdejh, fejn kien hemm ukoll Leon Debono.

Iż-żewġ akkużati qalu lill-ġuvni minuri b’dak li ġara, u anke li Vince Gaffarena kellu mus u li kien qed se jagħti daqqiet lil Owen b’dan l-istess mus.

L-Ispettur Arnaud qal li ftit tal-ħin wara l-inċident l-Pulizija kienet għaddiet karta minn Surġent tal-Pulizija lil Vince Gaffarena, waqt li kien midrub, li kiteb isem Leon Debono u Owen Schembri.  Fuq karta indika li kienu huma li sparaw.

Ix-xhud qal li Vince Gaffarena irrakonta mal-Pulizija li kien inqala’ argument bejniethom.  Irriżulta li Owen Schembri wrieh l-arma u Leon Debono spara tir f’wiċċ u sider Vince. Qalilhom li kien telaq jiġri, u f’dan il=ħin kompla jisma’ tiri, u wara mar jiġri u fil-karozza u ra lil Saviour Gaffarena mixħut il-barra mill-karozza.

Leon Debono waqt l-interogazzjoni qalilhom li kienu ħarġu l-erba’ flimkien dak inhar u kien qal lil Saviour u lil Vince ġibdu linja droga minn fuq il-mobajl.

Ix-xhud reġa’ semma lill-minuri, ta’ 17-il sena minn Ħaż-Żabbar, li kien jaf sew lil Owen Schembri u għalhekk spiċċa arrestat ukoll. Tenna wkoll li l-Pulizija kienu marru matul il-lejl kd-dar ta’ Owen Schembri f’Ħal Kirkop li spiċċa wkoll arrestat.  

Arnaud sostna li meta l-għada tal-inċident meta Vince Gaffrena kien qed jiġi f’tiegħu l-Isptar, mar ikellmu flimkien mal-Ispettur Kurt Zahra u dan qalilhom li l-lejl ta’ qabel kien għadda għall-akkużati filwaqt li kien ma’ kuġinuh Saviour, u marru dawra.

Vince Gaffarena qalilhom li kien xufier ħdejn Leon, u t-tnejn l-oħrajn kienu wara Vince. Kompla jgħid lill-Pulizija li waqfu Ħal Millieri għax Owen Schembri kellu arma u beda jurihielu.

Qalilhom li kien inqala’ argument iżda ma kienx jaf fuq xhiex. Kompla jgħidilhom li Leon kien sparalu f’wiċċu u f’sidru. Dan qalilhom ukoll li Schembri kien bniedem mibdul wara li ħa d-droga.

Qal ukoll li Leon kien ħareġ mill-karozza u spara tir ieħor. Vince qal ukoll lill-Pulizija li kif kien qed jiġri sema’ tir ieħor, u ra lil kuġinuh mixħut fuq is-seat ta’ wara tal-karozza, bl-akkużati jaħarbu minn fuq il-post.

Debono qal ukoll lill-Pulizija li kienu marru Ħal Millieri u hemm Vince Gaffarena kien ħareġ sikkina. Qal li kien iddejjaq b’dan kollu, u x’ħin ra hekk ipprova jaħrab, b’Saviour Gaffarena jipprova jżommu mill-flokk, Pero xorta rnexxielu jaħrab. Debono ċaħad mill-ewwel li kien preżenti fil-mumenti tal-isparaturi jew li huwa spara.

Lura għall-minuri li spiċċa arrestat u li kien ħdejn it-tfajla tiegħu, dan qal lill-Pulizija li 15-il ġurnata qabel Schembri u Debono kienu bdew jipprovaw arma imma ma kienx konxju jekk kienx hemm diżgwid bejn iż-żewġ naħat. Sadanittant f’basket li kellu Saviour Gaffarena nstabet pistola bil-magażin maqlugħ.

L-Avukat Giannella De Marco qed tirrappreżenta lil Leon Debono, filwaqt li l-Avukati Arthur Azzopardi u Alfred Abela qed jidhru għal Owen Schembri. L-Avukati Mark Refalo u James D’Agostino qegħdin jidhru għan-nom tal-vittmi. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Kurt Zahra u Keith Arnaud u s-Supretendent Josric Mifsud.