Internazzjonali

Wara t-terrur fl-Awstrija: Indikazzjonijiet li l-awtoritajiet setgħu għamlu aktar biex jevitaw id-dmija

Mandatory Credit: Photo by CHRISTIAN BRUNA/EPA-EFE/Shutterstock (10992714c) Austrian police patrol after a shooting near the 'Stadttempel' synagogue in Vienna, Austria, 02 November 2020. According to recent reports, at least one person is reported to have died and 3 are injured in what officials are treating as a terror attack. Vienna terror attack, Austria - 01 Nov 2020

L-awtoritajiet fl-Awstrija ammettew li, xi xhur ilu, kienu ‘injoraw’ twissija li ngħataw dwar l-aggressur li, din il-ġimgħa, wettaq l-agħar attakk terroristiku fl-istorja ta’ dan il-pajjiż.

Is-Slovakkja, fis-sajf, kienet wissiet lill-awtoritajiet Awstrijaċi dwar dan ir-raġel li, fil-lejl tat-Tnejn, qatel erbgħa u ħalla ’l fuq minn 20 feruti waqt sparatura fiċ-ċentru ta’ Vienna.

It-terrorista – li kien ġej mill-Maċedonja ta’ Fuq u li kellu wkoll ċittadinanza Awstrijaka – jidher li kien fost ‘xi suspettati mill-Awstrija’ li kienu pruvaw jixtru l-munizzjon mill-Islovakkja f’Lulju li għadda. Dan meta l-pulizija Slovakki qalu li, dak iż-żmien, huma kienu ‘infurmaw’ lill-awtoritajiet fi Vienna dwar l-iżvilupp partikulari.

Jidher ukoll li r-raġel li wettaq il-massakru fi Vienna ma xtarax ‘il-balal tal-arma’ li ried għaliex ma kellux liċenzja. Intant, dan ir-raġel – allegatament membru tal-grupp ISIS u li kien jismu Kujtim Fejzulai – kien inħeles mill-ħabs, fl-Awstrija, qabel kien laħaq skonta l-mandat sħiħ ta’ priġunerija li weħel talli prova jissieħeb mal-ġiħadisti fis-Sirja.

L-aħħar dettalji żvelaw li dan it-terrorista ta’ 20 sena – li nqatel mill-pulizija Awstrijaka xi disa’ minuti wara li kien beda jispara fuq in-nies fi Vienna – kien ipprova jixtri l-munizzjon (mis-Slovakkja) għal azzarin tat-tip Kalashnikov AK-47.

Filwaqt li l-uffiċjali Slovakki sostnew li infurmaw ‘immedjatament’ lill-kollegi Awstrijaċi dwar il-każ, huma ma riedux jikkummentaw aktar ‘dwar is-sitwazzjoni’.

Il-Ministru għall-Intern Awstrijak, Karl Nehammer, qal, intant, li l-informazzjoni kienet ġiet investigata mis-servizzi sigrieti ta’ pajjiżu iżda ‘mingħajr ma ttieħdet azzjoni relatata’.

‘Jidher li kien hemm xi ħaġa mitlufa fil-komunikazzjoni,’ qal Nehammer lill-ġurnalisti li stqasewh dwar dan in-nuqqas, u fejn hu wiegħed li se jinsisti għal investigazzjoni indipendenti biex isir jaf kif ma tteħditx azzjoni dwar theddida potenzjali….Theddida li kellha tissarraf fit-telf ta’ ħajja innoċenti.

Sadanittant – u wara ħafna spekulazzjoni – il-Ministeru għall-Intern Awstrijak ikkonferma li ‘it-terrorista ta’ Vienna’ kien qed jaġixxi waħdu fl-azzjoni. Dan waqt li l-moviment tal-ISIS ħareġ jassumi responsabbiltà għall-qtil u l-feriment ‘li wettaq wieħed mis-suldati tal-Kalifat’.

Iċ-ċentru ta’ Vienna, issa, qed jirritorna għan-normal waqt li l-Awstrija għaddejja minn perjodu ta’ luttu għall-attakki.