Lokali

Żviluppi fl-intelliġenza artifiċjali – eSkills Malta Foundation

L-ambizzjoni tal-Unjoni Ewropea hi “biex issir ir-reġjun ewlieni fid-dinja għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Intelliġenza Artifiċjali bl-iktar vantaġġ, etika u sigurta’, li tippromwovi approċċ iffukatt fuq il-bniedem fil-kuntest globali”. Għal dan il-għan, ġie mfassal pjan ikkoordinat dwar l-Intelliġenza Artifiċjali biex jimmassimizza l-impatt tal-investimenti fil-livelli tal-Unjoni Ewropea u nazzjonali. L-istess pjan jinkoraġġixxi s-sinerġiji u l-kooperazzjoni fl-Unjoni Ewropea kollha, l-etika, jrawwem l-iskambju tal-aħjar prattiċi u jiddefinixxi b’mod kollettiv it-triq il-quddiem. Huwa għalhekk importanti li l-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-iżviluppi tal-Istati Membri fuq l-Intelliġenza Artifiċjali. Din tissejjaħ bħala “AI Watch” u titmexxa mill-kummissjoni, din l-inizjattiva se tipprovdi gwida strateġika għal strateġiji nazzjonali Ewropeja b’mod koordinat. Id-dmirijiet ta’ ‘AI Watch’ jinkludu l-iżvilupp ta’ ekosistema ta’ l-Intelliġenza Artifiċjali, valutazzjoni komparattiva ta’ sistemi bbażati fuq l-Intelliġenza Artifiċjali, il-monitoraġġ fl-adozzjoni ta’ applikazzjonijiet li jużaw l-AI fl-ekonomija kif ukoll l-iżvilupp ta’ stima preċiża dwar l-evoluzzjoni tas-suq Ewropew fl-ishma tar–robotika. Din l-‘AI Watch’ tissorvelja wkoll l-impatt fuq is-settur tax-Xogħol, il-ġbir ta’ informazzjoni dwar l-Inizjattivi nazzjonali tal-Istati Membri dwar l-AI, l-analiżi dwar l-użu u l-impatt fis-servizzi pubbliċi, l-iżvilupp ta’ sett ta’ indikaturi strutturati u l-istabbiliment ta’ portal onlajn għat-tixrid tal-informazzjoni għal użu mill-Istati Membri. Barra minn hekk, l-UE pproponiet it-twaqqif ta’ ċentri ta’ Innovazzjoni nazzjonali jew reġjonali biex jibnu l-kapaċitajiet nazzjonali u jaqsmu informazzjoni. Biex jikkumplimentaw l-investimenti nazzjonali mill-Istati Membri, dawn iċ-ċentri ser jkunu strumentali biex jakkwistaw fondi mill-UE fuq l-Intelliġenza Artifiċjali. Diversi laqgħat tal-gruppi ta’ ħidma, immexxija mill-Kummissjoni, diġà bdew bejn il-kummissjoni u l-Istati Membri. L-eSkills Malta Foundation hija waħda mir-rappreżentanti ta’ Malta.

Fix-xena lokali, għal darb’oħra, l-impenn ta’ Malta fid-dinja diġitali diġà qed jidher bit-twaqqif ta’ “Malta.AI” li nieda dokument ta’ livell għoli għal konsultazzjoni pubblika f’Marzu 2019. L-oqsma ewlenin ta’ attenzjoni jinkludu l-Investiment, l-istart-ups, u innovazzjoni, l-adozzjoni tas-Settur Pubbliku u, Edukazzjoni u s-Settur tax-xogħol, Oqfsa Legali u Etiċi, u l-Infrastruttura tal-Ekosistema. AI waqqaf diversi gruppi ta’ ħidma nazzjonali biex joħorġu b’reazzjoni dwar dawn l-oqsma li eventwalment se jgħaddu fi Strateġija Nazzjonali tal-AI. L-UE hija konxja ħafna minn dan l-isforz u qed issegwi l-ħidma tagħna mill-qrib. Ftit pajjiżi biss verament ittrattaw it-tnedija ta’ Strateġija tal-AI, u għal darb’oħra Malta se tkun minn ta’ quddiem. L-Istrateġija Nazzjonali tal-AI se tkun f’sinkronizzazzjoni ma’ strateġiji u inizjattivi oħra eżistenti (e.ż. National eSkills Strategy, DLT u regolamenti). Huwa fatt ukoll li l-Industrija tat-Teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni nazzjonali bdiet tittrasforma l-prodotti tagħha għal AI, uħud ukoll ħadmu ħafna fit-tnedija tal-prodotti.

L-Intelliġenza Artifiċjali tintroduċi opportunitajiet fi kważi l-oqsma kollha, inklużi il-kura tas-saħħa, mobilità, Fintech, il-manifattura avvanzata, sistemi ta’ enerġija intelliġenti, bijoekonomija, midja, sejbien ta’ kriminalità, u setturi oħra. Il-verità hi li meta it-teknoloġiji jiġu żviluppati dawn suppost li jissostitwixxu teknoloġiji qodma jew jintegraw ma’ dawk eżistenti, ifixklu l-industrija, l-edukazzjoni u s-soċjetà u xejn inqas minn hekk. Huwa għalhekk kruċjali li nippreparaw għal dan.

Dan l-artiklu tħejja billi inġabru diversi sorsi ‘onlajn’ disponibbli pubblikament.

Segwina fuq: eskills.org.mt jew Facebook: www.facebook.com/ESkillsMalta; www. facebook.com/CodeEUMalta/ jew fuq Twitter: https://twitter.com/eSkills_Malta jew ibgħatilna email fuq: info.eskills@eskills. org.mt