Lokali Parlament

Appell biex il-gvern jerġa’ jdaħħal id-direttva dwar it-teleworking

Claudette Buttigieg, PN

Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg tkellmet dwar l-importanza tal-fiduċja u sostniet li meta kien hawn numri baxxi ta’ persuni bil-COVID-19 il-gvern daħħal direttiva dwar it-teleworking waqt li issa li hemm numri ferm ogħla l-gvern ma daħħalx it-teleworking.

Meta tkellmet fil-parlment fil-voti dwar l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Claudette Buttigieg qalet li d-direttiva favur it-teleworking u l-COVID kienet pubblikata fit-13 ta’ Marzu 2020 imma fit-2 ta’ Ġunju 2020 din id-direttiva kienet irtirata.

Hi sostniet li fil-Ministeru tal-Finanzi hemm 960 persuna li jaħdmu bit-teleworking li 414 minnhom huma fl-MFSA; liema numru hu kważi maqsum l-b’bilanċ bejn nisa u irġiel.

Fil-Ministeru għal Għawdex hemm biss sitt nisa jaħdmu bit-telework waqt li l-uniku raġel li applika ma kienx aċċettat. Hi kompliet li Għawdxin jaħdmu f’Malta hemm 3,750 u għalhekk bla dubju li hemm numru kbir minn dawn il-ħaddiema li jistgħu jużaw it-teleworking.

Hu insult li jkun hemm sitt persuni biss minn Għawdex li jaħdmu bit-telework. Tliet ministeri taw indikazzjoni li ħassew in-nuqqas tad-direttiva iżda meta spiċċat id-direttiva, is-sitwazzjoni marret għall-agħar.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li hemm 176 persuna fil-Ministeru tas-Saħħa, li 70 minnhom huma irġiel jaħdmu bit-telework. Fil-Ministeru tat-Turiżmu hemm 170 persuna li jaħdmu bit-telework. Fi 11-il ministeru kien hemm 11-il persuna infettati bil-COVID-19 waqt li iktar minn 1,000 ħaddiema kienu fuq kwarantina.

Hi sostniet li t-teleworking mhux għan-nisa biss għaliex anki l-irġiel jistgħu jaħdmu mid-dar.

Id-deputat Nazzjonalista sostniet li hemm ħafna benefiċċji mit-telework u għalhekk jeħtieġ li jkun hemm reviżjoni dwar il-kundizzjonijiet marbuta. Il-work life balance hi issue tal-familja u mhux tan-nisa biss, sostniet Claudette Buttigieg, li enfażizzat li s-settur pubbliku jrid ikun eżempju f’dan ir-rigward.