Lokali Qorti

Alex Muscat ma ra xejn ħażin li ħa konsulenza ta’ €5,000 mingħand Nexia BT

Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat ma ra xejn ħażin meta ħa konsulenza ta’ €5,000 mingħand Nexia BT minkejja li l-kumpanija waqqfet strutturi barranin għal Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Muscat, li dak iż-żmien kien Membru Parlamentari u li kien jaħdem bħala deputat tal-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri qal lill-Inkjesta Pubblika li sa fejn kien jaf, Nexia BT ma għamlet xejn illegali meta fetħet il-kumpaniji tal-Panama.

Huwa qal li dan il-fatt ma biddilx l-opinjoni tiegħu dwar jekk jaċċettax xogħol minn Nexia BT peress li l-kumpanija tal-accountants ma għamlet xejn illegali jew ħażin “sa fejn naf jien”. Muscat qal li l-importanti hu li ddikjara d-dħul li huwa rċieva minn Nexia BT fid-dikjarazzjoni parlamentari tiegħu tal-assi.

Sadanittant meta kellu l-pożizzjoni ta’ Deputy Chief of Staff, Alex Muscat ma kien jattendi għal ebda laqa’ ta’ ċerta portata bħal laqgħat bħal briefings fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, la fuq il-Panama Papers u lanqas fuq l-ElectroGas u kull ħaġa oħra mportanti. Kollox kien f’idejn Keith Schembri.

Dan ħareġ mix-xhieda ta’ Alex Muscat Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet fl-Inkjesta Pubblika dwar l-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Huwa qal li kien għamel perjodu bħala Deputy Chief of Staff ta’ Keith Schembri. Qal li hu u Keith Schembri kienu jaħdmu bħala tim. Huwa ma kienx jakkumpanja lil Keith Schembri meta dan kien ikollu laqgħat mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Kien jafu qabel l-2013 peress li kien jaħdem fi ħdan il-Partit Laburista.

Qal li fl-2013 kien Kunsillier Lokali għal Mosta u kien qed jaħdem biex joħroġ għall-elezzjoni ġenerali. Qabel l-elezzjoni tal-2013 ma tantx kien ikun fil-Kwarieri tal-Partit Laburista, kien ikun hemm meta kien ikun fuq xi programm fuq l-istazzjon tal-PL.

Il-proġett tal-ElectroGas ma kellux x’jaqsam miegħu għax kien kollu f’idejn Konrad Mizzi u dan jgħodd ukoll għal qabel l-elezzjoni, li kien aktar msejjes fuq il-pjan tal-enerġija tal-Gvern.

Dwar il-pjan tal-enerġija kienet wegħda tal-Gvern u anke hawn l-imput ta’ Konrad Mizzi u anke kien għamel preżentazzjoni fuq il-pjan tal-enerġija qabel l-elezzjoni u dan biex imorru għall-enerġija nadifa u naqilbu għall-gass.

L-Imħallef Michael Mallia staqsih x’kien l-involviment tal-OPM fil-proġetti l-kbar. Muscat qal li l-proġett tal-ElectroGas kien taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tal-Enerġija mmexxi minn Konrad Mizzi.

Jinsisti li hu ma kellu l-ebda involviment fil-proġett, u li ħaddiema tal-OPM qatt ma rċevew preżentazzjoni fuqu. Dwar il-ġurnata ta’ meta nqatlet Daphne Caruana Galizia, tenna li kien barra minn Malta fuq xogħol. Tenna li ħassu xxukkjat meta seħħ dan il-fatt.

Tenna li kien qed jifforma parti minn delegazzjoni u kien infurmah dwar dan Deputat Nazzjonalista li kien qed jagħmel parti mid-delegazzjoni. Fuq il-Panama Papers qal li segwa dak li kien qed jingħad fuq il-media u ħassu ferm perpless.

Qal li qatt ma ddiskuta dawn l-affarijiet ma’ Keith Schembri, imma qal dak li kellu jgħid mhux biss lilu, imma anke lil Konrad Mizzi qallu dak li ħass hu. Muscat ġie mistoqsi fuq ir-rapporti tal-FIAU, u jgħid li qatt ma ddiskutihom ma’ Keith Schembri.

L-opinjoni tiegħu, li beda jħossu skomdu biex jgħida- qal li talabhom biss biss biex inaddfu isimhom. Dwar il-ħbiberija bejn Keith Schembri u Yorgen Fenech sar jaf mill-media u dwar jekk qattx ra lil Yorgen Fenech Kastilja, qal li rah darba darba jistenna fil-‘waiting area’ ta’ Kastilja.

Però qal ukoll li jista’ jkun li Fenech kellu aktar laqgħat hemm, peress li hemm intrati oħra minn fejn wieħed jista’ jidħol. Qal li hu qatt ma ltaqa’ ma’ Yorgen Fenech jew xi negozjant ieħor, imma kien jiltaqa’ l-aktar ma’ uffiċjali pubbliċi.

Lanqas qatt ma kien preżenti għal xi briefings li kienu jsiru fuq l-investigazzjoni tal-omiċidiju ta’ Daphne Caruana Galizia u lanqas għall-briefings li wasslet għall-arrest ta’ Melvin Theuma.

Muscat saħaq li ma kellu l-ebda informazzjoni li kien se jsir rejd il-Marsa li wassal għall-arrest tal-aħwa Degorgio u ta’ Vince Muscat il-Koħħu. Bl-istess mod, ma kienx jaf li se jiġu arrestati Melvin Theuma u Fenech qabel iz-żmien.

Alex Muscat qal li ra lil Brian Tonna tan-Nexia BT xi darba jew darbtejn jistenna f’Kastilja. Muscat ġie mistoqsi fuq il-ħlas li rċieva minn Nexia BT. Qal li kien gradwa bħala ekonomist u li għamel xogħol ta’ konsulenza għall-kumpanija ta’ Brian Tonna.

Jinsisti li ma kellux retainer, u li kieku kellu kunflitt ta’ interess kien jiddikjarah. Qal li bħala avukat seta’ jagħmel xogħol privat peress li hu ma kienx impjegat mal-Gvern imma kien maħtur bħala ‘person of trust’.

Qal li x-xogħol li għamel għall-kumpanija sar qabel ma ġie elett fil-Parlament u tenna li xi ħadd tah parir biex ma jiddikjarax id-dħul, iżda li u għażel jiddikjarah xorta waħda.

Il-Bord staqsa jekk kienx jaf kemm il-kumpanija kienet viċina għall-Gvern Laburista. Muscat jgħid li kien jaf li kienet kumpanija ta’ awditjar li kellha ħafna xogħol mal-Gvern, iżda sostna li kien hemm kumpaniji oħrajn fl-istess sitwazzjoni.

L-Avukat Pawlu Lia li kien qed jassisti lil Muscat kemm il-darba beda joġġezzjona għad-domandi li bdew isiru l-aktar dawk mill-Avukat Therese Comodini Cachia.

Beda joġġezzjona u jinsisti li l-mistoqsijiet ma kienux relevanti għall-Inkjesta. Muscat qal ukoll li ma kienx jaf minn qabel fuq l-involviment tan-Nexia BT biex jinfetħu l-kumpaniji sigrieti ta’ Mizzi u Schembri. Qal li sar jaf meta dan spiċċa fil-pubbliku.

Comodini Cachia qalet lil Muscat kien qal lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi biex jgħidu l-verità u staqsitu għaliex qal hekk, b’Muscat jgħid minħabba li l-kumpaniji li fetħu kienu qed jintużaw biex issir ħsara lill-Gvern.

Mistoqsi fir-rwol tiegħu f’Kastilja, Alex Muscat qal li kien jgħin biex jikkoordina proġetti nazzjonali bejn ministerji varji. Kien jiġi ddelegat xogħol minn Keith Schembri nnifsu.

Alex Muscat qal li Keith Schembri kien jinvolvi ruħu fl-organizzazzjoni ta’ attivitajiet tal-massa tal-PL qabel l-elezzjoni tal-2013. Muscat tenna li qatt ma kellu kopja tar-rapport tal-FIAU: kien qara biss rapporti “kunfliġġenti” fil-media.

Alex Muscat ċaħad li qatt iltaqa’ ma’ Yorgen Fenech jew li qatt ikkomunika miegħu, lanqas b’sempliċi messaġġ. Fuq l-arresti ta’ Theuma u Fenech, Muscat qal li ħassu xxukkjat bil-fatti li kienu ħerġin, iżda jgħid ukoll li ħass li l-ġustizzja kienet qiegħda ssir. Huwa qal li kien hemm każijiet kbar li qatt ma waslu f’dan l-istadju, u li b’hekk ħass li dan kien żvilupp kbir għall-pajjiż.

Wara kellu jixhed Marvin Gaerty li huwa l-Kummissarju tat-Taxxi Interni. Huwa kien diġa xehed quddiem il-Bord tal-Inkjesta, u l-Imħallef Michael Mallia staqsih jekk hux se jippreżenta evidenza dwar lista ta’ individwi kif kien ġie mistoqsi.

Gaerty, li kien akkumpanjat mill-Avukat Vincienne Vdella mid-Dipartiment li huwa jmexxi, qalli ma rċieva l-ebda lista. L-Avukat Comodini Cachia qalet li l-lista kella titwassal minn uffiċjali tal-qorti.

Gaerty, qalet l-Avukat tiegħu għandu bżonn clearance mill-Prim MInistru biex jibda jinvestiga l-individwi msemmija. Kollox jindika li kien hemm nuqqas ta’ ftehim, u li b’riżultat li l-lista ma twasslitx lil Gaerty minn uffiċjal tal-Qorti.

L-Avukat Comodini Cachia qalet li x-xhud għandu jgħid jekk il-Prim Ministru tagħax id-dispensa rigward l-individwi u l-kumpaniji konċernati. F’każ li ma ngħatatx, Gaerty kien mitlub jispjega r-raġunijiet wara din id-deċiżjoni, kif ukoll isemmi xi restrizzjonijiet oħra li seta’ jkun hemm.

Gaerty sostna li kellu “laqgħa informali” ta’ bejn 10 u 15 minuta mal-Pulizija dwar messaġġ li kien bagħat lil Yorgen Fenech. Tenna li l-kontenut tal-messaġġ kien identiku għal email li kien bagħat minn fuq l-email tax-xogħol.

Gaerty kompla jgħid li kien iltaqa’ ma’ Yorgen Fenech u l-avukati tiegħu darbtejn, darba fl-uffiċċju tiegħu u darba oħra ġewwa Portomaso u dan peress li kien hemm ħafna avukati preżenti.

Gaerty qal li l-laqgħat ma kellhomx x’jaqsmu mal-kumpanija sigrieta ta’ Fenech 17 Black u li kienu dwar kwistjoni fuq VAT. L-Avukat Jason Azzopardi staqsa jekk l-avukati ta’ Yorgen Fenech talbux laqgħa wara li ħareġ li 17 Black kienet tiegħu. Gaerty qal li kien jaf bil-każ tas-17 Black, u li kieku riedu jkellmuh fuqha ma kienx jattendi laqgħa magħhom.

Wara  l-Avukat Vincienne Vella, ingħatat il-lista ta’ nies dwar min Gaerty għandu jitlob dispensa tal-Prim Ministru u jinvestiga.  Gaerty ġie mitlub jerġa’ jidher quddiem il-bord fl-20 ta’ Novembru.  

L-inkjesta pubblika inħatret biex tiddeċiedi jekk l-istat seta’ għamilx xi ħaġa biex l-omiċidju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizija ma jseħħx. L-Avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi qegħdin jidhru għan-nom tal-familja Caruana Galizia. L-inkjesta għandha tkompli nhar it-Tnejn fis-1.00pm bix-xhieda tal-eks Ministru Chris Cardona.