Lokali Parlament

Il-pajjiż għandu jinċentiva x-xogħol bit-telework

Clyde Puli, PN

Id-deputat Nazzjonalista Clyde Puli qal li l-pajjiż għandu jibqa’ jaħdem iktar bis-sistemi tat-telework għaliex din għandha diversi benefiċċji kemm għall-pajjiż kif ukoll għall-ħaddiema nnfushom.

Meta kien qed jitkellem fil-parlament fid-dibattitu dwar l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Clyde Puli rringrazzja lill-imsieħba soċjali għall-parteċipazzjoni qabel il-budget u qal li l-PN kien ippropona li l-gvern jirtira mill-MCESD biex dan ikun forum tal-imsieħba soċjali. L-MCESD għandu jingħata wkoll l-assistenza meħtieġa.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar it-telework u qal li dan hu bżonn f’dan il-mument. Hu kompla li issa wasal iż-żmien li d-direttiva tat-telework tkun riattivata għall-ħaddiema tal-gvern u jsir pakkett għall-ħaddiema fis-settur privat, li għandu jkun dak li jmexxi dawn l-inzijattivi. Minn 55,000 impjegat fis-settur pubbliku hemm eluf li jistgħu jaħdmu b’mod ta’ telework.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li din hi miżura ta’ responsabbiltà anki biex titnaqqas il-COVID-19. Hu sostna li l-politika tal-uffiċċju diġà kienet qed tinbidel għaliex id-dinja kienet miexja lejn sistemi diġitali.

Tkun ħasra li dak li sfurzatna nagħmlu l-pandemija ma jkunx ikkunsidrat bil-kuntest tal-bidliet li għandhom isiru, sostna Clyde Puli, li kompla li barra minn Malta l-kumpaiji l-kbar komplew jaħdmu b’mod remot; dan għaliex hemm numru kbir ta’ benefiċċji. It-telework itaffi wkoll it-tniġġiż fl-arja għaliex jitnaqqsu l-karozzi mit-toroq.

Clyde Puli kompla li jista’ jkun li l-bini ta’ iktar bini ma jkunx meħtieġ għax jintużaw sistemi diġitali. Anki l-ħaddiema għandhom ħafna benefiċċji mit-teleworking, sostna Clyde Puli, li kompla li din hi miżuri ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar għall-ħaddiema. Dan iġib iktar bilanċ bejn il-familja u x-xogħol. S’issa fil-pajjiż hawn biss ftit mijiet li jużaw it-telework.

Id-deputat Nazzjonalista appella biex isiru l-kundizzjonijiet neċessarji favur it-telework bħala policy bħala gvern b’mod ġenerali u bħala entità li jimpjega lin-nies.