Lokali Qorti

Is-Serb involut fl-episodju vjolenti fejn kienu sparati tiri lejn il-Pulizija jinżamm arrestat

Ir-Raġel li kien arrestat mill-Pulizija nhar il-Ħadd filgħaxija, wara sitt sigħat bla waqfien ta’ episodju mal-Pulizija fejn kienu ukoll ġew sparati xi tiri tressaq il-Qorti u nżamm taħt arrest preventiv Huwa kien qafel lilu nnifsu ġewwa l-appartament tiegħu li jinsab bejn il-periferija tal-Msida u l-Pieta.

Dak inhar, armat b’shotgun u mdawwar bi klieb tal-ġlied. Srdjan Stevanovic, ċittadin Serb ta ’38 sena, spiċċa skortat il-Qorti ħamest ijiem wara l-episodju vjolenti li seħħ il-Ħadd, fi Triq Qrejten.

Saga li kienet bdiet għall-ħabta tas-7.30pm meta l-Pulizija kienu mwissija dwar il-preżenza ta’ raġel armat li kien allegatament hedded lir-residenti u għamel ħsara lill-karozzi pparkjati.

Uffiċjali li marru fuq il-post kienu sabu lir-raġel maqful ġewwa l-appartament tiegħu fil-pjan terran. Meta ħabbtu l-bieb, l-uffiċjali ġew milqugħa mir-raġel, armat b’sikkina kbira u pistola.

Aktar tard il-Pulizija qalu li r-raġel kien hedded li jispara l-arma. Fl-aħħar ġie arrestat, wara waqfa twila, u dan meta l-Pulizija sparaw flashbangs, fejn sfurzaw il-bieb ġewwa u daħlu fir-residenza.

Ir-raġel ġie akkużat bi sensiela ta’ reati fosthom li aggredixxa u rreżisti lill-uffiċjali tal-Pulizija u insultahom jew heddidhom, bir-reati aggravati bl-użu tal-armi. Huwa ġie mixli wkoll li kiser il-libertà proviżorja.

Huwa wieġeb mhux ħati, bl-avukat difensur Charles Mercieca jitlob il-ħatra ta’ psikjatra biex jeżamina lill-akkużat peress li r-raġel jidher li kien paranojku u sofra episodji psikotiċi.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima, qalet li psikjatra diġà ġie maħtur mill-Maġistrat li mexxa l-inkjesta. Ma saret l-ebda talba għal pleġġ u l-Qorti rrakkomandat li l-akkużat jingħata l-attenzjoni medika meħtieġa fil-Forensic Unit fl-Isptar Monte Karmeli. L-Ispetturi Fabian Fleri, Lydon Zammit, Shawn Pawney u Jonathan Ransley mexxew il-Prosekuzzjoni..