Internazzjonali

Joe Biden pass bogħod mill-Presidenza

Il-voti magħduda f’Georgia issa juru li Joe Biden għandu għall-ewwel darba vantaġġ fuq Donald Trump fl-istat.

Biex isir President, Biden jeħtieġ li jirbaħ f’żewġ stati minn Arizona, North Carolina, Nevada u Georgia jew jirbaħ biss Pennsylvania. Hekk kif Joe Biden jinsab fil-vantaġġ f’Arizona, Nevada u f’Georgia hu jinsab pass bogħod milli jilħaq it-tragward ta’ 270 vot tal-Kulleġġ Elettorali u pass bogħod milli jieħu post Trump fil-Whitehouse f’Jannar li ġej.

Biden bħalissa għandu 253 vot tal-Kulleġġ Elettorali u għandu bżonn 270 biex jirbaħ – rebħa f’Georgia tagħtih 16-il vot u jwassluh għal 269.

Fatt interessanti hu li aktar ma jingħaddu voti, Biden qed inaqqas drastikament id-distakk li għandu minn ma Trump f’Pennsylvania, triq oħra li tista twasslu għal rebħa.

Filwaqt li l-għadd tal-voti għadu għaddej, u filwaqt li kollox għadu jista’ jiġri fis-sigħat li ġejjin, Donald Trump diġa fetaħ numru ta’ kawżi l-qorti hekk kif qed ikompli jallega li kien hemm frodi fil-voti.