Qabel bdiet is-seduta ta’ dalghodu, l-avukat Joe Ellis ha l-gurament tal-hatra bhala deputat gdid fil-Parlament Malti. Ellis b’hekk jinghaqad mat-tim tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.
L-avukat Joe Ellis rebaħ l-elezzjoni każwali fuq it-13-il distrett, illi saret ilbierah biex jimtela’ l-post li tbattal wara l-mewt tad-Deputat Nazzjonalista Frederick Azzopardi. F’din l-elezzjoni, Ellis kiseb 1,968 vot.
Meta ndirizza l-Parlament, Joe Ellis saħaq li se jagħmel ħiltu biex jissalvagwardja d-drittijiet tal-familji Maltin u Għawdxin. Hu rringrazzja lill-familja tiegħu għall-appoġġ kontinwu u rringrazja lill-kostitwenti li wrew fiduċja fih. Dan filwaqt li sellem il-memorja tal-mibki Fredrick Azzopardi u qal illi jittama li jkun jista’ jimla l-vojt kbir li ħalla warajh dan il-politiku Ghawdxi.

Qabel sar Membru Parlamentari, Joe Ellis kellu laqgħa ta’ korteżija fl-uffiċċju tal-Ispeaker Anġlu Farrugia. Ellis kien akkumpanjat mill-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, Robert Cutajar.
