Lokali Parlament

L-akbar problema f’Għawdex hi l-bidla fit-tessut tal-popolazzjoni

Chris Said, PN

Id-deputat Nazzjonalista Chris Said qal li l-akbar problema f’Għawdex bħalissa hi l-bidla fit-tessut tal-popolazzjoni.

Meta kien qed jitkellem fil-parlament fil-Ministeru għal Għawdex, Chris Said qal li dan hu budget riċiklat li fih il-proġetti jibqgħu ma jitwettqux jew ma jidhrux iktar; iktar minn hekk m’hemm l-ebda pjan dwar kif se jkunu indirizzati l-problemi reali ta’ Għawdex. Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-problemi ta’ Għawdex jinkludu n-numru dejjem jiżdied ta’ Għawdxin li qed ikollhom jmorru jaħdmu Malta.

Hu fakkar li Joseph Muscat kien qal li se joħloq xogħol għall-Għawdxin kollha f’Għawdex; fil-verità n-numru ta’ Għawdxin li jaħdmu Malta tela’ minn 1,500 fl-2012 għal 3,750. Dan ifisser wieħed minn kull erba’ ħaddiema Għawdxin.

Chris Said kompla li l-proposta tad-deputati kollha Għawdxin biex l-Għawdxin jingħataw jumejn fil-ġimgħa teleworking minn Għawdex kellha tkun inkluża f’dan il-budget iżda lanqas din ma kienet inkluża.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li hemm burokrazija kbira fuq is-sistema li fiha l-istudenti Għawdxin jieħdu l-allowance ta’ €900 għall-kirjiet tal-appartamenti f’Malta; dan wassal biex huma biss ftit studenti Għawdxin li qed jibbenefikaw minn din l-iskema.

L-akbar problema li qed jiffaċċja Għawdex bħalissa hu l-mod qawwi kif qed jinbidel it-tessut tal-popolazzjoni Għawdixn u tas-soċjetà. Dan għax ammont qawwi ta’ żgħażagħ Għawdxin qed imorru jgħixu f’Malta minħabba x-xogħol; anki għaliex il-pagi f’Għawdex huma ħafna inqas minn Malta.

Għawdex qed jitlef il-qalb tiegħu waqt li l-popolazzjoni f’Għawdex qed tiżdied partikolarment fl-aħħar tliet snin. Dan għax hemm il-problema li l-kirjiet f’Għawdex huma irħas minn Malta bil-konsegwenza li ħafna Maltin u barranin qed imorru jgħixu f’Għawdex. Dan qed iwassal għal żieda fil-każi soċjali f’Għawdex fosthom il-persuni f’riskju ta’ faqar.

Wieħed mir-reġjuni fejn qed tiżdied il-kriminalità hu propju Għawdex, qal Chris Said, li kompla li hemm żieda ta’ 15% jew 20% fil-kriminalità kull sena; quddiem din is-sitwazzjoni l-gvern m’għamel xejn, lanqas studju.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li problema kbira oħra hi l-mod kif l-iżvilupp qed jiddomina s-sbuħija naturali ta’ Għawdex wara li diġà intilfet is-serenità li kellu Għawdex. M’hemmx pjan kif qed isir l-iżvilupp f’Għawdex tant li fuq eco-Għawdex qed ikunu vvutati biss €1 miljun fejn gvern Nazzjonalista kien jivvota €5 miljuni u €8 miljuni.

Chris Said qal li l-problema oħra hi l-kwalità tax-xogħol f’Għawdex fosthom il-ħaddiem tal-Gozo Channel li jaħdmu mal-kuntrattur li jitħallsu inqas u li għandhom kundizzjonijiet tax-xogħol inqas. Ma’ dawn hemm ħaddiema oħra; issa d-differenza fil-pagi kompliet tikber. Fl-2012 id-differenza fil-pagi bejn ħaddiema Għawdxin u Maltin kienet €300 u llum din telgħet għal €3,500; il-gvern m’għamel xejn biex jindirizza din il-problema.

Fl-aċċessibbiltà, il-gvern falla fil-fast ferry service fejn il-kuntratt waqaf tliet darbiet; konvint li l-kuntratt ħareġ ħażin apposta biex ikun aġevolat xi ħadd.

Dwar il-governanza ta’ Għawdex, id-deputat Nazzjonalista semma’ l-Awtorità Reġjonali dwar l-Iżvilupp ta’ Għawdex u staqsa jekk din saritx skont il-liġi. Ma kien hemm l-ebda konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni dwar din is-suppost l-iktar Awtorità importanti għal Għawdex.

Il-budget għal din l-Awtorità hu miżeru, qal Chris Said, li kompla li Għawdex għandu jkunu Kunsill Reġjonali elett b’poteri eżekuttivi bil-fondi biex jaħdem. Il-PN jibqa’ jemmen fil-kunċett ta’ gżira reġjun.

Chris Said qal li l-Ministru għal Għawdex mhux jattendi l-Kumitat Parlamentari għal Għawdex; anki b’rispett lejn il-parteċipazzjoni tal-għaqdiet Għawdxin.

Dwar il-link permanenti bejn Malta u Għawdex, Chris Said qal li fil-budget il-gvern qed jgħid dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni; li fuq il-mina tlesta l-ewwel stadju minn proċess ta’ tliet u li jwassal biex ikun stabbilit jekk il-proġett ikunx sostenibbli. F’seba’ snin il-gvern m’għamilx laqgħa waħda mal-Għawdxin dwar il-mina u ma ppubblika l-ebda studju u fissru lin-nies.

Qabel tittieħed id-deċiżjoni finali jridu jsiru l-istudju biex ikun stabbilit jekk il-proċess hux vijabbli, sostna Chris Said, li kompla li llum ix-xettiċiżmu tal-Għawdxin kiber għaliex m’hemmx konsultazzjoni. Il-gvern qed jaġixxi b’mod arroganti u sisa tilef l-appoġġ tal-poplu Għawdxi fuq dan il-proġett.

Dwar is-saħħa, Chris Said qal li din kienet l-akbar ħadma fl-istorja tal-pajjiż fejn il-gvern biegħ l-uniku sptar li hemm f’Għawdex. Il-poplu kien imwiegħed sptar ġdid ta’ 400 sodda iżda fil-COVID, il-pazjenti kellhom jittieħdu f’lukanda. Hemm problemi kbar fl-ambulanzi fejn lanqas hemm fondibiex jinxtraw ambulanzi u issa qed jinkrew ambulanzi mill-privat.

Il-ħaddiema tal-ambulanzi jinsabu fil-containers f’Għawdex, sostna Chris Said li tkellem dwar l-infrastruttura fejn qal li l-breakwater ta’ Marsalforn, it-triq alternattiva fl-Imġarr, il-parkeġġ adekwat f’Għawdex, il-bye-pass tar-Rabat u l-qorti ġdid ma sarux.

It-tieni fibre optic cable ilu mwiegħed sitt snin u mhux magħruf min se joperah waqt li l-Innovation Hub għadu vojt wara sena bħall-Osservatur Astronomiku Nazzjonali. Qatt ma kellna budget li jagħmel €1,200 miljun f’deficit; bla dubju l-akbar budget, sostna Chris Said, li l-proġettazzjoni għas-sena li ġejja hi ta’ €800 miljun f’deficit; €2 biljuni f’sentejn.