Internazzjonali

L-elezzjoni fl-Istati Uniti: Vantaġġ kruċjali għal Biden f’Pennsylvania

It-taqtigħa elettorali fl-Istati Uniti tidher qrib ta’ żblokk deċiżiv meta l-kandidat tal-Partit Demokratiku, Joe Biden, jinsab fil-vantaġġ skont l-għadd tal-voti f’Pennsylvania li hu wieħed mis-swing states deċiżivi tal-elezzjoni.

Il-vantaġġ ta’ Biden kien ikkonfermat wara li laħqu għaddew 98 fil-mija tal-voti f’Pennsylvania. Dan meta rebħa għall-isfidant Demokratiku f’dan l-Istat tiggarantilu l-Presidenza tal-Istati Uniti.

Fl-Istat ta’ Georgia, Joe Biden ukoll jinsab fil-vantaġġ fuq il-President Repubblikan Donald Trump wara li ngħaddew 99 fil-mija tal-voti f’dan l-Istat. Il-kandidat Demokratiku għandu wkoll vantaġġ żgħir fuq Trump fl-Istati ta’ Nevada u Arizona.

Rebħa għal Biden fi kwalunkwe tnejn minn dawn it-tliet Stati wkoll għandha tiggarantilu r-rebħa finali. Dan meta l-President Trump mill-ġdid qed jinsisti li ‘rebaħ hu’ l-elezzjoni’ — bl-għadd tal-voti qed ikompli f’dawn l-Istati kruċjali.

Donald Trump ilmenta dwar ‘korruzzjoni u frodi mingħajr limitu’ b’konnessjoni mas-sistema tal-voti li ntefgħu bil-posta — iżda hu għad ma provdiex il-provi sostanzjali biex isostni l-akkuża.

Min-naħa tiegħu, Joe Biden ħeġġeġ biex in-nies jibqgħu kalmi waqt li qed jingħaddu l-voti. Hu tenna li ‘mgħandux dubju’ li se jkun qed jiddikjara r-rebħa fis-sigħat li ġejjin.