Il-Union tal-Edukaturi Professjonisti – (UPE – Voice of the Workers) fi stqarrija qalet li rċeviet filmati li juru n-nuqqas ta’ rispett għall-protokolli maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika.
Il-Union għal darb’oħra enfasizzat l-ħtieġa ta’ protokolli aktar stretti dwar id-distanza soċjali fl-iskejjel iżda tenniet li l-aħjar għażla matul is-sitwazzjoni attwali hija li tidħol fis-seħħ l-edukazzjoni online biex tħares l-edukaturi u l-istudenti bl-istess mod.
Il-UPE bi pjaċir laqgħet l-aħbar li fl-aħħar bdiet skola virtwali għal tfal vulnerabbli, jew li għandhom membri vulnerabbli tal-familja residenti magħhom. Il-Union saħqet li “dan żgur huwa pass fid-direzzjoni t-tajba fil-protezzjoni taż-żgħażagħ tagħna u tal-membri vulnerabbli tal-familja tagħhom, għalkemm l-UPE ma tistax ma tinnotax li l-Ministeru u l-MUT li qablu dwar dan qed jaħdmu bil-mod fid-dawl ta’ din il-kriżi.”
L-istqarrija kompliet tgħid li tħoss ukoll li din il-prattika hija diskriminatorja kontra dawk il-ġenituri kawti li għażlu li jżommu lil uliedhom id-dar minkejja li mhux vulnerabbli. “Dawn il-ġenituri għażlu li jżommu lil uliedhom id-dar bħala miżura ta’ prekawzjoni minħabba li l-Gvern mhux qed jinforza l-attendenza obbligatorja. Madankollu, dawn il-ġenituri qed ikollhom iġorru l-piż tad-deċiżjoni tagħhom billi wliedhom qed jiġu esklużi milli jattendu klassijiet virtwali, billi dawn saru disponibbli biss għal dawk li jistgħu jippreżentaw evidenza ta’ vulnerabbiltà tat-tfal infushom, jew tal-familji tagħhom residenti maghhom.”
Il-UPE qalet li lil dawn il-ġenituri qed jingħadilhom, li jekk uliedhom ma jattendux l-iskola, mhux se jingħataw l-edukazzjoni ta’ kwalità li kulħadd ikun qed iwiegħed. “Jekk dawn it-tfal jaqgħu lura, sempliċement minħabba li l-ġenituri tagħhom ma jixtiequx jesponu lil uliedhom bla bżonn għal pandemija li qed thedded il-benesseri u l-ħajja ta’ ħafna madwar id-dinja, il-Gvern mhu se jerfa’ l-ebda responsabbiltà.”
L-itqarrija tgħid li l-ministeru jidher li injora l-fatt li hemm ħafna studenti li ma jattendux l-iskola li jinsabu fl-iskola sekondarja. “Klassijiet virtwali se jsiru biss għal studenti tal-iskola primarja, u b’hekk studenti tal-iskola sekondarja li bħalissa qegħdin id-dar se jkomplu jitilfu kwalunkwe opportunitajiet edukattivi.” Għal din ir-raġuni l-UPE staqsiet jekk il-Kummissarju għat-Tfal jaqbilx ma’ din id-diskriminazzjoni. Il-UPE saħqu li qed nassistu għal miżuri nofs leħja min-naħa tal-Ministeru.
//= $special ?>