Lokali Qorti

Seba’ snin ħabs fuq frodi dwar kiri ta’ appartamenti

Il-blokka ta' appartamenti fi Triq l-Aħmar, Marsaskala (Google Street View)

Raġel ta’ 47 sena ġie kundannat seba’ snin ħabs mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia wara li ammetta li kien jikri appartamenti lill-barranin, meta dawn ma kienux propjetà tiegħu.

Konrad Dimech kien diġa’instab ħati fuq akkużi simili u ngħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiża għal erba’ snin wara li kien ammetta wkoll quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke. Meta kien ġie akkużat li ffroda disa’ barranin oħra huwa reġa’ ammetta anke jekk mhux fl-istadju bikri tal-proċeduri.

Il-Qorti ikkundannatu ħames snin ħabs fuq l-aħħar każijiet u sentejn oħra fuq il-każijiet preċedenti peress li kien kiser il-perjodu ta’ sentenza sospiża. L-Ispetturi Shaun Friggieri u Elton Taliana kienu xlewh bi 23 akkuża.

Konrad Dimech residenti San Pawl il-Baħar instab ħati li wettaq dawn ir-reati fi Frar tas-sena l-oħra u fix-xhur ta’ qabel. Li kien jagħmel hu li kien jirreklama postijiet għall-kiri li ma kienux tiegħu, mingħajr il-kunsens tas-sidien u li normalment kienu jieħu depożitu mingħandhom ta’ bejn il-€250 u €1,100 kull wieħed għas-somma globali ta’ €5,650.

Huwa kien jagħmel reklami fuq is-sit Maltapark b’ritratti ta’ residenzi u jiltaqa’ mal-‘klijenti’ u jeħdilhom il-flus. Dawn wara kienu jiskopru li fl-appartament kienu joqgħodu persuni oħra.

Fis-sentenza tagħha l-Maġistrat Marse-Ann Farrugia qalet li apparti li tilfu flushom ħafna minn dawn il-vittmi sabu ruħhom fi problemi loġistiċi kbar meta irrealizzaw li l-imputat kien daħaq bihom u l-appartament li kienu krew ma setgħux jidħlu fih.

Qalet li wħud minnhom spiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom. Kien hemm min ukoll kellu t-tfal żgħar, u kien hemm min kellu jorqod fit-triq jew fil-karozza, anke fil-maltemp, sakemm sabu jikru post ieħor.

Il-Qorti qalet li jirriżulta li Dimech għandu kondotta xejn pjaċevoli, bl-aħħar waħda tkun fl-2015 fejn kien instab ħati li ffroda 13 il-persuna. Qalet li jidher li Dimech ma tgħallem xejn mill-iżbalji tiegħu u reġa’ ikkommetta reati simili,   Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Shaun Friggieri u Elton Taliana.