Internazzjonali

Stati Uniti: Joe Biden qed jidher eqreb il-Presidenza

Joe Biden, il-kandidat tal-Partit Demokratiku għall-White House, qed jidher eqreb il-Presidenza meta għandu vantaġġ minimu fuq il-President Repubblikan tal-Istati Uniti Donald Trump fl-Istat ta’ Pennsylvania

L-Istat ta’ Pennsylvania hi magħrufa bħala ‘battleground state’ u dejjem kienet kruċjali fir-rebħ tal-elezzjonijiet preċedenti fl-Istati Uniti. Iżda minkejja li laħqu għaddew 98 fil-mija tal-voti f’dan l-Istat ir-riżultat għadu mdendel (‘too close to call’) u veru huwa każ ta’ ‘kull vot jiswa’ fiċ-ċirkustanzi.

Minkejja li eluf kbar ta’ partitarji Demokratiċi jinsabu diġà f’arja ta’ festa, għadu ma tħabbar l-ebda riżultat uffiċjali mill-aħħar Stati li fadal u li jista’ jitqies bħala konferma assoluta li Biden se jkun il-President ġdid għall-erba’ snin li jmiss.

Sadanittant, is-Sindku ta’ Philadelphia, Jim Kenney, qal li l-voti f’Pennsylvania se jingħaddu kollha sal-aħħar waqt li ċanfar lill-President Trump għall-‘akkużi bla bażi tiegħu li l-proċess elettorali seta’ kien imtappan bi frodi’. Kenney enfasizza li ‘il-proċess elettorali fl-Istat ta’ Pennsylvania żamm mal-kriterji demokratiċi’ u li ‘in-nies esprimew ir-rieda demokratika tagħhom permezz tal-vot’.

Rebħa għal Joe Biden f’Pennsylvania tfisser li hu ikun is-46 President tal-Istati Uniti. Il-kandidat Demokratiku anki għandu vantaġġ żgħir fl-Istat ta’ Georgia ( wara li ngħaddew 99 vil-mija tal-voti) iżda jidher li se jkun hemm recount f’dan l-Istat. Joe Biden, intant, għadu qed igawdi vantaġġ żgħir fuq Trump anki fl-Istat ta’ Nevada.

Madankollu, il-kamp tar-Repubblikani baqa’ jinsisti li l-elezzjoni għall-Presidenza tal-Istati Uniti kienet ‘suġġetta għal manipulazzjoni’ bil-ħsieb li d-Demokratiċi jingħataw vantaġġ qarrieqi u kruċjali.’

L-attivisti inkarigati mill-kampanja ta’ Trump ħarġu stqarrija fejn qalu li ‘il-poplu Amerikan ħaqqu li jkollu tieqa trasparenti fuq il-proċess u fejn jaċċerta ruħu li l-affarijiet ikunu tmexxew bis-sewwa’. L-istqarrija kompliet li ‘l-argument ma jinvolvix sempliċi elezzjoni waħda iżda l-integrità tal-proċess elettorali sħiħ f’dan il-pajjiż’.

Fi żviluppi oħra, Joe Biden jinsab fil-vantaġġ fuq Trump — b’1.3 fil-mija — fl-Istat ta’ Arizona fejn ingħaddew 93 fil-mija tal-voti. Dan hu żvilupp sorprendenti fi Stat li qabel kien magħruf bħala fortizza tar-Repubblikani.