Coronavirus Futbol Sport

Tikkomplika ruħha s-sitwazzjoni b’rabta mal-coronavirus fil-futbol Taljan

Fl-aħħar sigħat ħarġet l-aħbar li l-kowċ tat-tim nazzjonali Taljan Roberto Mancini rriżulta pożittiv għall-coronavirus. Dan wara li sarlu test qabel mat-tim Taljan jitlaqqa’ f’Coverciano l-ġimgħa d-dieħla bi tħejjija għall-partiti internazzjonali li jmiss.

Mancini huwa asintomatiku u jinsab iżolat. Hu se jitlef il-partita ta’ ħbiberija li l-Italja se tilgħab kontra l-Estonja, bil-probabilità tkun li jkun dispost għalll-partiti mill-UEFA Nations League.

Roma ħabbru li l-captain tagħhom Edin Dzeko wkoll huwa pożittiv għall-coronavirus. Dzeko kien fl-iskwadra ta’ lbieraħ ta’ Roma għall-partita mill-UEFA Europa League kontra Cluj. Dzeko f’messaġġ fuq il-midja soċjali qal li m’għandu l-ebda sintomi partikolari. Hu se jkun qiegħed jitlef il-partita ta’ Roma kontra Genoa mis-Serie A kif ukoll il-partiti internazzjonali mal-Bosnija.

Kaos ukoll fl-iskwadra ta’ Lazio fejn tliet plejers oħra rriżultaw pożittivi għall-coronavirus. Is-sitwazzjoni ta’ Lazio hija waħda kkomplikata hekk kif għall-partita ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet kontra Torino, fl-iskwadra kien hemm inklużi tliet plejers li rriżultaw pożittiv għall-coronavirus. Il-Federazzjoni tal-Futbol Taljana bdiet investigazzjoni dwar dan il-każ, b’riskju li Lazio jiġu relegati mill-kampjonat.

Dan wara li Lazio naqsu milli jirrappurtaw li kellhom numru ta’ plejers pożittivi lill-awtoritajiet. L-istess tliet plejers, Ciro Immobile, Thomas Strakosha u Lucas Leiva ma kienux parti mill-iskwadra li ftit tal-jiem qabel lagħbet kontra Clubb Brugge fil-UEFA Champions League. L-istess plejers kienu wkoll esklużi mill-iskwadra li nhar l-Erbgħa lagħbet kontra Zenit.

Id-Direttur Sportiv ta’ Lazio Igli Tare spjega kif il-klabb għamel it-testijiet lill-plejers qabel il-partita ta’ Club Brugge fejn il-plejers irriżultaw pożittivi, bil-klabb jerġa jwettaq it-testijiet qabel il-partita kontra Torino fejn din id-darba rriżultaw negattivi, bil-klabb jonqos milli jimxi mal-protokoll mediku u jinforma lill-awtoritajiet bil-plejers pożittivi.

Sabiex dan il-każ ma jerġax jirrepeti ruħu, il-Kunsill tal-Lega Taljana propona li jkun hemm laboratorju speċifiku għall-klabbs kollha tas-Serie A fejn it-testijiet li jsiru mill-klabbs jinħadmu f’dan il-laboratorju. Waqt l-istess laqgħa, il-Kunsill qabel ukoll li jipposponi il-Kampjonat tal-Primavera.