Lokali Saħħa

Steward tnaqqas il-ħlas tas-‘sick leave’ lill-impjegati tal-Gvern b’mod illegali – UHM

Impjegati tal-gvern li jaħdmu fit-tliet sptarijiet immexxija minn Steward Health Care mhux qed jitħallsu s-sick leave kollu bi ksur tal-liġi tax-xogħol.

Dan joħroġ minn stqarrija tal-UĦM Voice of the Workers fejn qalu li jirriżulta li kull meta impjegati jkunu fuq sick leave għal erbat ijiem jew aktar, dawn qed jitħallsu biss għall-ewwel tlett ijiem. Konsegwentement, f’każ ta’ mard fit-tul l-impjegati qed ikollhom tnaqqis fil-paga.

Il-UĦM Voice of the Workers kienet allertata dwar din il-prattika illegali permezz tal-membri tagħha li skoprew b’dan it-tnaqqis mill-payslip tagħhom. Dawk li ħadu sick leave għal aktar minn tlett ijiem kellhom nota li tgħid li l-benefiċċju tal-mard tnaqqas.

L-istqarrija kompliet tgħid li skont il-liġi l-ħaddiema tal-gvern jirċievu l-ħlas tas-sick leave mingħand min iħaddimhom u huma eliġibbli għal mill-inqas 30 jum sick leave fis-sena. Steward Health Care qed tikser id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali, speċifikament dak dwar il-protezzjoni tal-pagi, qalet il-UĦM.

Barra minn hekk, il-UĦM staqsiet x’inhi r-raġuni wara din il-mossa fl-isfond talfatt li Steward Health Care tirċievi l-ammont sħiħ tal-pagi tal-impjegati millgvern. Dan huwa eżempju ieħor li bih Steward qed tapprofitta ruħha minn flus miżmuma illegalment, qalet il-union.

Il-UĦM Voice of the Workers qed titlob lill-Ministeru tas-Saħħa biex iwaqqaf
din il-prattika illegali immedjatament u jagħti l-flus li huma dovuti lill-ħaddiema sa tmiem din il-ġimgħa.