Ambjent Lokali

Ħabitat rari u limitat irrestawrat fir-Riserva Naturali tal-Għadira

BirdLife Malta għadha kif lestiet xogħlijiet fuq wieħed mill-oġġettivi elenkati fil-pjan ta’ tmexxija għar-Riserva Naturali tal-Għadira – ir-restawr talħabitat tal-għaram tar-ramel li hemm fir-riserva. Il-proġett kien inawgurat aktar kmieni din il-ġimgħa waqt attività fir-riserva fil-preżenza ta’ uffiċjali tal-Fondazzjoni Farsons, li emmnet fil-viżjoni tagħna u assistiet
finanzjarjament biex dan il-proġett seta’ jsir possibbli.

Qabel inbniet it-triq prinċipali li tagħti lejn iċ-Ċirkewwa, il-Bajja tal-Għadira
kellha għaram tar-ramel simili għal dawk li nsibu llum fir-Ramla l-Ħamra
f’Għawdex. B’xorti ħażina, fis-sebgħinijiet, il-partijiet ta’ dawn l-għaram li
spiċċaw inqatgħu mill-bajja kaġun tal-kostruzzjoni tat-triq spiċċaw mimlijin
speċi differenti ta’ siġar mhux indiġeni li ġew imħawla fiz-zona.

BirdLife Malta kien ilha li identifikat ir-restawr ta’ dan il-ħabitat bħala
proġett li għandu jitwettaq bħala parti mill-immaniġġjar tar-riserva naturali, speċjalment fid-dawl tal-preżenza tal-Grillu tar-Ramel li, minħabba l-istatus tiegħu, igawdi protezzjoni addizzjonali saħanistra fuq livell Ewropew.

Din hija speċi rari ħafna, bin-numri tagħha qed jonqsu kaġun tat-telfien tal-ħabitat.

Il-proġett ta’ restawr kien beda gradwalment permezz tat-tneħħija tas-siġar
mhux indiġeni mill-inħawi, imma s-sena l-oħra – bis-saħħa tal-Fondazzjoni
Farsons li ffinanzjat ħafna mix-xogħlijiet permezz ta’ sponsorship ġeneruż li tat – din il-ħolma nbidlet f’realtà hekk kif ix-xogħlijiet ġew konklużi.

Bħala parti mill-proġett ġie mfassal ukoll passaġġ tal-injam li twaħħal fil-post biex dawk li jżuru r-riserva, fosthom tfal tal-iskola, jingħataw aċċess għal din izzona li bla dubju ta’ xejn se tqajjem il-kuxjenza meħtieġa dwar dan il-ħabitat rari u limitat fil-Gżejjer Maltin.

Ir-Reserves Manager ta’ BirdLife Malta Mark Gauci sostna: “Aħna kburin li
konna responsabbli għar-restawr ta’ dan il-ħabitat u ninsabu grati lejn il-Fondazzjoni Farsons li l-għajnuna finanzjarja tagħha għamlitha possibbli li
dan il-proġett jitlesta. Dan hu eżempju ċar ta’ kif kollaborazzjoni bejn issettur privat u NGOs jista’ jikkontribwixxi għal titjib tal-ħabitati naturali tal-Gżejjer Maltin.

F’dan il-każ partikolari, sħubija ta’ dan it-tip wasslet biex parti oħra min-natura llum qed tingħata lura lill-komunità u biex titgawda minn ġenerazzjonijiet futuri.”

Arthur Muscat mill-Fondazzjoni Farsons, ikkummenta: “Ninsabu
impressjonati bil-professjonalità murija minn BirdLife Malta, kemm flgħażla tal-proġett u anke l-mod kif ġie implimentat. Minbarra l-inizjattiva
utli li ttieħdet biex jiġi restawrat sit naturali, wieħed irid ifaħħar ukoll l-iskop tal-proġett – dak li s-sit ikun aċċessibbli aktar għall-viżitaturi, kbar u żgħar.

Il-ħarsien tal-ambjent Malti huwa impenn kostanti li għandu jiġi sostnut. Ilħidma biex nedukaw lill-pubbliku dwar l-għasafar, in-natura u l-ambjent hija inizjattiva nobbli u l-isforzi ta’ BirdLife Malta f’dan ir-rigward għandhom jiġu mfaħħra u promossi.”

Membri tal-pubbliku ġenerali issa jistgħu jgawdu dan il-ħabitat uniku talgħaram tar-ramel meta jżuru r-Riserva Naturali tal-Għadira li tkun miftuħa kull nhar ta’ Tnejn u Ħamis bejn is-2pm u s-6pm, u s-Sibt u l-Ħadd bejn l10am u l-4pm. Id-dħul għar-riserva huwa b’xejn.