Coronavirus Lokali Saħħa

“Il-messaġġi kunflinġenti wasslu għal din is-sitwazzjoni”

L-eks Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Ray Busuttil, fuq NET Live saħaq kif in-nuqqas ta' konsistenza fil-messaġġ mibgħut tellef mill-kredibilità tal-Gvern fuq il-COVID-19

“Il-messaġġi kunflinġenti żgur li ma għenux biex il-poplu llum jimxi fid-direzzjoni li nixtiquh jimxi. Naħseb li kieku konna iktar konsistenti fil-messaġġi, konna aktar kawti fil-mod meta minn sitwazzjoni ta’ kważi lockdown totali, ftaħna l-bibien ferm aktar bil-mod u evalwajna l-impatt tal-ftuħ b’naqra iktar ħsieb, naħseb is-sitwazzjoni forsi mhijiex li hi llum. Imma iva l-messaġġi kunflinġenti ma jgħinu xejn assolutament.”

Saħaq dan Ray Busuttil, l-eks Supretendent tas-Saħħa Pubblika, meta l-Ġimgħa filgħaxija kien intervistat minn Robert Cremona fuq NET Live dwar il-pandemija u saħaq kif il-Gvern tilef il-kredibilità bil-messaġġi kunflinġenti.

“Meta inti ma tkunx konsistenti f’dak li qed tgħid, tibda titlef il-kredibilità u n-nies ma tibqax attenta għal dak li qed tgħid, anki jekk dan importanti.”

Fuq il-vaċċin tal-influwenza, għalkemm mhuwiex ta’ protezzjoni għall-COVID-19, huwa serraħ moħħ lill-anzjani u l-vulnerabbli li t-tilqima tkopri lil dak li jkun matul ix-xitwa kollha kontra l-influwenza u għalhekk ħeġġiġhom ma joqogħdux lura milli jitlaqqmu. Kien għalhekk li appella lill-Maltin iħarsu s-saħħa ta’ xulxin:

“Ejja nibżgħu għal xulxin. Ejja nirrispettaw lil xulxin, ejja nzżommu d-distanzi, ejja nilbsu l-maskri, ejja naħslu jdejna għax jekk mhux se nagħmlu hekk, il-każi se jkomplu jiżdiedu, l-imwiet se jkomplu jiżdiedu, għax iktar ma jkollok numri, iktar se jmutulek nies, u l-iktar nies li huma vulnerabbli, huma l-iktar nies li se jbatu.”

Busuttil temm ifakkar li l-marda mhux biss taffettwa lill-anzjani, iżda lil dawk iżgħar fl-età ukoll, u huwa għalhekk dmir tal-pubbliku li jinfurzaw ir-rakomandazzjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa fuq xulxin biex jgħinu titrażżan l-imxija