Lokali

Il-proċess quddiem il-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi m’għandux jiġi abbużat – il-PN

Il-Partit Nazzjonalista ppubblika ittra li d-Deputati li huma membri tal-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi – Karol Aquilina, Carm Mifsud Bonnici u Clyde Puli – bagħtu liċ-Chairperson tal-Kumitat Anthony Agius Decelis fir-rigward tal-ħatra taċ-Chairman tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Korp għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU).

Il-membri tal-Partit Nazzjonalista fil-Kumitat Permanenti qed jesiġu li, fir-rigward ta’ din il-ħatra, il-proċess quddiem il-Kumitat ma jiġix abbużat, iżda jsir skont il-Liġi u mhux persuna li l-Prim Ministru diġà ħatar minn wara dahar il-Parlament u bi ksur tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika.

Fl-ittra, id-Deputati Nazzjonalisti fakkru kif il-Ministru tal-Finanzi mhuwiex il-Ministru li, skont il-Liġi, hu fdat bil-ħatra taċ-Chairman tal-FIAU, iżda l-Prim Ministru. Għaldaqstant, l-ittra li l-Kumitat Parlamentari rċieva mingħand il-Ministru Edward Scicluna mhix skont dak li jipprovdi l-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika u ma tiswiex biex il-Kumitat jipproċedi fil-kunsiderazzjoni tal-ħatra.

Il-Membri Parlamentari komplew billi nnutaw li l-ittra mill-Ministru tal-Finanzi ntbagħtet wara li l-persuna ġiet maħtura fil-kariga ta’ Chairman tal-FIAU, tant li l-ħatra diġà ġiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tat-3 ta’ April li għadda. Anke din hi xi ħaġa li tmur kontra l-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika.

Filwaqt li tennew li din il-pożizzjoni ma titrattax l-għażla tal-persuna nnifisha, il-Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista tennew li l-proċess użat kien żbaljat, filwaqt li l-Kumitat dwar il-Ħatriet Pubbliċi m’għandux ikun abbużat. Għaldaqstant, huma appellaw li jkunu segwiti l-proċeduri kif mitluba mil-Liġi.