Bil-pandemija tal-Coronavirus qed tkompli tgħolli rasha, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ammetta li s-settur tas-Saħħa f’pajjiżna jista’ ma jkunx ippreparat biżżejjed jekk ikomplu jiżdiedu l-każi.
Fearne innifsu kellu jistqarr dan waqt li kien intervistat minn Andrew Azzopardi fuq ir-Radju 103. Dan fid-dawl tad-diversi dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru Robert Abela li skont hu l-virus qiegħed warajna u l-mewġ fil-baħar.
“Iva jista’ jiġri li tant jiżdiedu l-każijiet, li bil-preparamenti kollha li għandna, xorta tegħlibna.”
Bid-dikjarazzjonijiet konstrastanti mill-Prim Ministru, Fearne qed iħossu skomdu jiffaċċja s-sitwazzjoni sħiħa. Għax filwaqt li f’Ġunju qal li rbaħna l-Gwerra kontra l-Covid-19, b’medja ta’ madwar żewġt imwiet kawża tal-virus, issa qed jammetti li din hija traġedja.
Fost il-biża’ ta’ ħafna, Fearne attakka lil min qed jistaqsi meta se joħroġ il-vaċċin billi qal li dawn qed iparlaw fil-vojt. U kontra għal dak li qal b’ċertezza Robert Abela li l-vaċċin se jkun magħna bejn l-aħħar tas-sena u l-bidu tas-sena ddieħla, il-Ministru tas-Saħħa issa qed jgħid li kapaċi jasal f’Marzu u ma jkunx disponibbli għal kulħadd minnufih.
Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija Claudio Grech tenna l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista, li jemmen fl-importanza tal-bilanċ mingħajr ma nġelldu lis-saħħa mal-ekonomija.
“Ma tistax tpoġġi l-ekonomija u s-saħħa kontra xulxin. L-iktar ħaġa tinkweta lill-professjonisti fil-qasam tas-saħħa hija l-messaġġi kontrastanti mill-mexxejja tal-pajjiż. In-nies huma mfixxklin. (…) Il-pajjiżi li injoraw lill-esperti spiċċaw f’inkwiet kbir u dan iwassal mhux biss għal dawn il-problemi iżda t-tul iwassal għal aktar problemi mill-aspett ekonomiku.”
Sadanittant, waqt il-programm intervjena wkoll Martin Balzan, il-President tal-Union tat-Tobba, il-MAM, li wissa li nistgħu naslu f’sitwazzjoni fejn min ikollu bżonn kura intensiva, ma jsibx post fl-Isptarijiet tagħna.
“Jasal żmien li jiġu n-nies li vera għandhom bżonn il-kura intensiva u ngħidulhom jiddispjaċina m’hemmx post. (…) Jekk inti tiskappalek, mhux talli tkisser l-isptarijiet, talli tkisser l-isptarijiet ukoll.”
U min-naħa tiegħu, il-President tal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel, l-MUMN, Paul Pace, akkuża lill-Gvern li jkun qed iqarraq meta jgħid li kienu impjegati 200 infermier ġdid.
“Ir-reazzjoni tagħna hija preokkuppanti ħafna. Qed jinstemgħu numri li impjegajna 200 infermier. Mhux vera deħlin dawn il-mitejnijiet. Qed jagħtu stampa verament falza lin-nies hemm barra.”
Fil-programm ipparteċipat ukoll ix-xandara fuq NET, Lisa Spiteri, li fetħet aktar fuq it-telfa li ġarrbet ta’ nannuha bil-COVID-19 u saħqet li l-Gvern mhux jieħu ħsieb is-sitwazzjoni kompletament.
Tkellem ukoll l-ekonomista JP Fabri, li enfasizza kif ikun aħjar li l-ekonomija ġġarrab ftit telf issa biex jissalvaw il-ħajjiet milli milli togħtor fit-tul kawża tal-imwiet imġarrba.
Mistiedna oħra fil-programm kienet Paulann Grech, lettur fl-Università li tispeċjalizza fis-saħħa mentali, li tenniet kif il-messaġġi kunflinġenti, fosthom tbassir mhux reali fuq lockdowns u r-riferenza tal-mewġ fil-baħar, wasslu għal din il-mewġa kbira t’infezzjonijiet.
//= $special ?>