Lokali

Mara u raġel arrestati wara sejba droga fil-Marsa

Raġel mill-Marsa kien arrestat wara li twettaq rejd mill-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga.

Il-każ seħħ il-Ġimgħa filgħaxija wara jiem ta’ ħidma u osservazzjoni fuq movimenti f’garaxx fi Triq Prince Albert, fil-Marsa stess, fejn allegatament is-suspettat ta’ 30 sena kien qiegħed jitraffika d-droga.

Ir-rejd twettaq għall-ħabta tal-22.00 wara li ingħata l-ordni sabiex l-iSpecial Intervention Unit jidħlu fil-post billi saħansitra jqattgħu l-bibien tal-ħadid. Sussegwentament, malli daħlu fil-post, l-uffiċjali membri tal-SIU arrestaw lir-raġel.

Wara tfittxija li saret ukoll mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit u mill-istess uffiċjali tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, nstabu diversi qratas suspettati droga kokaina u eroina kif ukoll instab ammont ta’ sustanza suspettata crack. Ġew miġbura wkoll miżien, numru ta’ skieken kif ukoll flus kontanti.

Filwaqt li r-raġel qed jinżamm arrestat, b’rabta mal-każ ġiet arrestata wkoll mara ta’ 45 sena minn San Pawl il-Baħar hekk kif instabet fil-post fil-pussess ta’ oġġetti relatati mal-abbuż ta’ droga.

B’rabta mal-każ infetħet inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Astrid May Grima.