Mużika

Membru ta’ ‘I Pooh’ imut bil-Coronavirus

Stefano D’Orazio, id-‘drummer’ tal-grupp leġġendarju Taljan I Pooh, fl-aħħar sigħat tilef ħajtu kaġun tal-Coronavirus.

Hu miet fi sptar f’Ruma fl-eta’ ta’ 72 sena. Minbarra t-talent tiegħu bħala ‘drummer’, hu kien ukoll wieħed mill-awturi ta’ siltiet tal-grupp sa mill-bidu tiegħu fl-1971.

Bejn dik is-sena u l-2009, il-grupp kiseb suċċess fuq livell internazzjonali b’iktar minn 50 miljun album mibjugħ u mijiet ta’ kunċerti live b’attendenzi ta’ eluf. Siltiet li jibqgħu fil-memorja u li D’Orazio ta kontribut għalihom jinkludu ‘Noi due nel mondo e nell’anima‘, ‘Tanta voglia di lei‘ u ‘Uomini soli‘ li biha rebħu l-festival ta’ San Remo fl-1990.

Fl-2015, D’Orazio, flimkien mal-membri l-oħra Roby Facchinetti, Red Canzian, Dodi Battaglia u Riccardo Fogli reġgħu ingħaqdu u għamlu reunion tour fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mill-formazzjoni tal-grupp.

Iktar kmieni din is-sena, flimkien ma’ Roby Facchinetti, D’Orazio ikkompona il-kanzunetta ‘Rinascero’ Rinascerai‘, dedikata lill-belt ta’ Bergamo li sofriet l-agħar effetti tal-pandemija fl-Italja. Id-destin ried li tmien xhur D’Orazio kellu jħalli d-dinja kaġun tal-istess virus.