Lokali

Nissaħħu Flimkien: Għawdex fiċ-ċentru u mhux sempliċi annex ta’ Malta

Nissaħħu flimkien biex Għawdex ikun fiċ-ċentru tal-politika tagħna u mhux sempliċi annex ta’ Malta jew minsi. Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar it-12-il pilastru tal-PN, li qed jippreżenta pjan ċar b’masterplan għal Għawdex aħjar u isbaħ.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Chris Said qal li l-baġit ma indirizzax il-problemi tal-Għawdxin. Dwar l-Għawdxin li jaħdmu Malta ma ntqal xejn minkejja l-Gvern kien wiegħed li se jsibilhom xogħol f’Għawdex. Dan meta l-paga medja f’Għawdex hija €3,000 fis-sena inqas minn dik f’Malta u l-ħaddiem Għawdxi qed jaħdem xahrejn kull sena għalxejn meta mqabbel mal-ħaddiem Malti. Ma ġietx indirizzata l-problema tal-iżvilupp u qed tinqered l-isbuħija ta’ Għawdex bi żvilupp eċċessiv. Bidla drastika fit-tessut soċjali bl-ammont ta’ problemi soċjali f’Għawdex jiżdiedu u rata ta’ kriminalità li togħla. Chris Said qal li l-Gvern ġie jaqa’ u jqum mis-saħħa tal-Għawdxin meta biegħ l-isptar ġenerali u issa l-Għawdxin qed ibatu l-konsegwenzi u meta l-isptar il-ġdid suppost tlesta sentejn u nofs ilu iżda s’issa għadu ma sar xejn.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet, il-Kostruzzjoni u Ippjanar Sostenibbli Kevin Cutajar qal li l-PN qed ipoġġi lil Għawdex bħala wieħed mit-12-il pilastri tal-viżjoni tiegħu u jitpoġġa fiċ-ċentru tal-ħidma politika. Huwa tkellem dwar l-aċċessibbilta’; il-fast ferry li ilu jissemma u s’issa ma sar xejn, ir-raba’ vapur bi standard baxx u mhux aċċessibbli minn kulħadd u minkejja li ġie mwiegħed li jiġi kkummissjonat vaġur ġdid għal mal-flotta ma sar xejn. Dwar il-mina, l-Gvern għadu jinħeba wara l-iskuża tal-istudji u ma weriex x’se jsir. Huwa qal li l-Gvern qed jonqos milli jwettaq il-proġetti kapitali li kellu jagħmel, fosthom: il-faċilitajiet tal-cruiseliners, il-park tal-familja fil-Qortin u l-breakwater ta’ Marsalforn. Essenzjali wkoll li l-infrastuttura u t-toroq għal Għawdex isiru ta’ kwalità.

Id-Deputat Parlamentari Joe Ellis qal li Għawdex qed jaffaċċja brain drain bin-nuqqas ta’ opportunitajiet li hemm, u biex negħlbu dil-problema rridu ninvestu aktar f’xogħol għall-Għawdxin. Għawdex bis-sbuħija naturali tiegħu hu l-post ideali fejn bosta mix-xogħolijiet il-ġodda jistgħu jsiru b’mod remot. Huwa qal li mhux isir biżżejjed investiment fix-xogħol f’Għawdex; il-gvern qiegħed jiffoka żżejjed fuq impjiegi li jħallsu pagi miżeri u b’kundizzjonijiet prekarji minflok ħolqien ta’ attivitajiet b’high value added illi jiġġeneraw impjiegi ta’ kwalità u li jħallsu. Apparti minn hekk, jeħtieġ spjegazzjoni għat-take up tas-sit li kien jospita fl-impjant tal-MMU, l-Innovation Hub; Malta Enterprise hix sodisfatta b’dan it-take up u x’qiegħda tagħmel sabiex tirrimedja.