Internazzjonali

Sigħat deċiżivi wara erbat ijiem ta’ għadd tal-voti

Ritratt - EPA

Minkejja li għadu ma ġiex dikjarat rebbieħ  fl-elezzjoni Presidenzjali ta’ erbat ijiem ilu, Joe Biden jinsab ferm qrib li jkun il-President il-ġdid tal-Istati Uniti.

F’diskors tard matul li fih ma ddikjarax rebħa, Joe Biden qal li l-ewwel ħaġa li se jindirizza hi t-trażżin tal-pandemija tal-Coronavirus li ħakmet lill-pajjiż u ħalliet qrib il-240,000 ruħ mejta u se jaħdem biex jerġa’ jgħaqqad il-pajjiż.

Il-ġurnata tal-bieraħ fissret żvolta fil-proċess tal-għadd tal-voti hekk kif Biden mar fuq quddiem kemm f’Pennsylvania kif ukoll f’Georgia u żamm il-vantaġġ f’Arizona u f’Nevada.

L-attenzjoni hi kważi kollha fuq Pennsylvania fejn Biden qed ikompli jkabbar il-vantaġġ. Jekk ikun dikjarat rebbieħ f’dan l-istat, Pennsylvania tkun biżżejjed biex il-kandidat tal-Partit Demokratiku jirbaħ il-White House.

Min-naħa l-oħra, il-President attwali Donald Trump baqa’ jinsisti li l-elezzjoni hi waħda misruqa u fetaħ numru ta’ kawżi f’diversi stati fejn qed jallega frodi.

Iżda kulma jmur, Trump qed jidher iktar iżolat u għalkemm mhux qed jiddassossaċjaw ruħhom b’mod pubbliku, ħafna uffiċjali għoljin fil-Partit Repubblikan m’humiex qed jaqblu mal-linja li qed jieħu l-President.