L-eks Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri – tefa l-mobile “il-mitluf” eżatt wara li Net News żvela li l-imprenditur Yorgen Fenech kien lest biex jixhed kontrih mal-Pulizija.
Dan ġie kkonfermat mis-sit tal-aħbarijiet LovinMalta fejn sorsi ta’ min jorbot fuqhom spjegaw mal-istess sit li l-mowbajl li l-istess Schembri stqarr li kien tilef, ġie mitfi nofs siegħa qabel ma’ ġie arrestat mill-Pulizija b’rabta mal-investigazzjoni dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia – bl-aħħar traċċi tiegħu jiġu mmarkati fil-Mellieħa – proprju ftit passi bogħod mir-residenza tal-eks Chief of Staff.
Fis-sigħat bikrin tat-Tlieta, 26 ta’ Novembru 2019, Net News kien żvela li Fenech kien lest jagħti informazzjoni li kienet tipponta lejn Keith Schembri. Tul il-lejl, Net News kien ikkonferma wkoll li qabel ma’ mar id-dar fejn sussegwentament kien inġabar mill-Pulizija, Schembri kien dam sigħat twal fir-residenza tal-ex Prim Ministru Joseph Muscat.
Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur tal-Pulizija Keith Arnaud spjega li flimkien mal-Ispettur Kurt Zahra wettqu tfittxija fir-residenza ta’ Schembri fejn ġabru bħala evidenza tagħmir elettroniku, iżda l-mobile baqa’ ma nstabx bl-eks Chief of Staff jisħaq li tilfu.
Il-fatt li għall-investigaturi l-mobile ta’ Keith Schembri kien ikun essenzjali għal fini tal-investigazzjoni huwa indiskutibbli. Dan minħabba numru ta’ messaġġi fuq Whatsapp, u possibilment telefonati u data varji oħra.
L-għajbien tal-mowbajl ta’ Keith Schembri għadu misteru – b’mod partikolari issa li jidher li dan intilef nofs siegħa qabel qrib id-dar tiegħu.
//= $special ?>