Edukazzjoni Lokali

Tħassib dwar ‘ġenerazzjoni mitlufa’ ta’ studenti – Repubblika

Repubblika hija mħassba ħafna fuq il-mod kif il-gvern qiegħed imexxi s-sitwazzjoni tas-settur tal-edukazzjoni waqt il-pandemija tal-COVID.
Fi stqarrija ġie spjegat li l-akbar inkwiet huwa li l-falliment tal-gvern qiegħed iwassal biex mhux it-tfal kollha jkollhom opportunitajiet indaqs. Repubblika spjegat li qed titħalla sitwazzjoni fejn l-opportunitajiet li
għandhom it-tfal tagħna ivarjaw skond liema skola li jattendu – tal-istat, tal-knisja, jew indipendenti u skond ir-riżorsi li l-iskola jkollha.

“Dan il-falliment u l-politika inkonsistenti tal-gvern qegħdin iżidu l-inugwaljanzi soċjali, xi ħaġa li edukazzjoni b’saħħitha twassal
biex tingħeleb. B’mod partikulari, aħna mħassba li meta dan qiegħed jiġri fis-snin kruċjali tal-formazzjoni tat-tfal waqt li jsegwu l-programm obligatorju ta’ ħdax-il sena.”

Ġie spjegat li n-nuqqasijiet u l-inugwaljanzi li mhumiex qegħdin jiġu indirizzati jistgħu jħallu impatt kemm fuq l-istudenti għal ħajjithom kollha, kif ukoll fuq is-soċjetà Maltija.

Repubblika saħqet li temmen li meta demokrazija tonqos milli toffri
edukazzjoni lil kulħadd, hija demokrazija li tista’ twassal għal falliment totali. “L-edukazzjoni għandha tkun l-element li jwassal għall-ugwaljanza bejn kulħadd, hija l-għodda li tneħħi kull inegwaljanza soċjali u li tagħti liċ-ċittadini il-ħila li jkunu infurmati, attivi, soddisfatti u li jilħqu l-għanijiet tagħhom.”

Hija spjegat li l-Gvern mhux biss huwa responsabbli li jassigura li t-tfal ma jiġux infettati mill-virus, imma wkoll li l-passi li jittieħdu biex ma jiġux infettati ma jwasslux li dawn ma jirċevux l-edukazzjoni li għandhom dritt għaliha.

Dan filwaqt li ġie spjegat li l-Gvern mhux qiegħed jieħu passi biex jilħaq dawk l-istudenti li mhumiex qegħdin jattendu l-iskola, tal-istat u tal-knisja. “Il-Gvern mhux qed jara li dawk li ftit li xejn qegħdin jirċievu edukazzjoni jkunu kkumpensati għall-edukazzjoni li qegħdin jitilfu.”

Intqal ukoll, “Hemm bżonn soluzzjonijiet oħra għal dawk it-tfal fejn il-pre-recording mhuwiex adegwat jew fejn hemm nuqqas ta’ għarfien fl-IT jew nuqqas ta’ tagħmir adegwat fid-dar qiegħed ixekkel lit-tfal milli jkollhom r-riżorsi edukattivi li jeħtieġu.”

Repubblika saħqet li l-indifferenza tal-Gvern hija waħda inaċċettabli u li uliedna jixraqilhom ferm aħjar.