Lokali

Zammit Lewis ma jgħidx jekk il-vjaġġ bejn is-CEO tal-MFSA u Yorgen Fenech kienx kunflitt ta’ interess

Il-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis jidher li mhux lest jiddikjara jekk jarax il-vjaġġ tal-eks Kap Eżekuttiv tal-MFSA Joseph Cuschieri ma’ Yorgen Fenech – li kien operatur fl-istess settur – bħala kunflitt qawwi ta’ interess.

Mistoqsi minn NET News matul konferenza tal-aħbarijiet, hu qal biss li jinsab sodisfatt li l-MFSA fetħet Inkjesta dwar dan il-każ. Madankollu, hu naqas milli jiddikjara ruħu b’mod ċar jekk jarax li dan kien kunflitt ċar ta’ interess.

Min-naħa l-oħra, il-Ministru Zammit Lewis dawwar kliemu kontra l-Partit Nazzjonalista u esponenti tiegħu. Fil-fatt, kien propju hawn li qal li ra kunflitt ta’ interess, filwaqt li kompla jaħrab milli jitkellem b’mod ċar dwar dak li ġie żvelat.

U minkejja li issa dan l-iskandlu ħareġ fil-pubbliku – b’indikazzjoni ċara ta’ kemm, fis-seba’ snin tal-Gvern Laburista, l-istituzzjonijiet f’pajjiżna ma tħallewx jaħdmu kif suppost, il-Ministru tal-Ġustizzja tenna li fil-verità, dawn qed jaħdmu.