Ekonomija Lokali Turiżmu

ANALIŻI: Il-gazzetta ‘il-mument’ tiżvela aktar fatti dwar dak li qed jiġri fl-AirMalta

Qalb it-taħwid bi skandlu wieħed wara l-ieħor ta’ dan il-Gvern, jidher ċar li skandlu ieħor tal-Eks Ministru Laburista Konrad Mizzi jinsab f’fażi fejn se jiżbroffa.

Din mhi xejn ħlief il-kumpanija tal-ajru Malta Med Air, fejn sentejn ilu nħolqot misterjożament mill-Ministru korrott Konrad Mizzi bl-iskuża li l-kumpanija tissalvagwardja is-slots li kellha l-Air Malta f’għadd ta’ ajruporti internazzjonali.

Biex twaqqfet din il-kumpanija kien hemm tliet piloti tal-Air Malta li għenu biex din l-operazzjoni sseħħ. Dawn malajr ħadu l-premju mistħoqq tax-xogħol tagħhom għax tnejn minnhom sfaw imkeċċija mill-Air Malta, però wieħed sab postu lest mal-Malta Med Air.

Wieħed imkeċċi u ieħor forced leave

Fil-fatt tnejn minn dawn il-piloti spiċċaw wieħed imkeċċi u l-ieħor kien sfurzat fuq forced leave minn Settembru li għadda waqt il-pandemija.

Dan minkejja li dan tal-aħħar huwa t-tifel tal-Eks Ministru Laburista tat-tmeninijiet li s-saħħa politika tiegħu ddgħajfet minn mindu l-klikka korrotta ħatfet il-management tal-Air Malta kif spjegajna ċar f’diversi rapporti li ppubblikat il-mument fil-ġimgħat li għaddew.

Ta’ min isemmi, li waqt li tkeċċew 69 pilota mill-Air Malta dan l-individwu kien qed jieħu s-salarju sħiħ bħala impjegat tal-Air Malta kif ukoll is-salarju l-ieħor mill-Malta Med Air. Il-mistoqsija tqum waħidha: Tgħid din maħruġa wkoll mill-KPMG kif hi maħruġa l-paga ta’ Karl Stagno Navarra?

It-tieni pilota mkeċċi saħansitra kien sponsor qawwi ta’ materjal stampat għall-kampanji elettorali tal-Partit Laburista fiż-żewġ elezzjonijiet li għaddew.

Dawn jidhru li huma mweġġgħin sew bl-attitudni ta’ Silvio Schembri flimkien mal-Prim Ministru, li tkeċċew bl-iskuża tal-pandemija kiesaħ u biered ma’ sħabhom l-oħra.

Jidher li dan it-taħwid kollu issa qed jipperikola l-għajxien tal-Air Malta mal-mijiet ta’ ħaddiema li jaħdmu magħha.

Silvio Schembri jaħseb li jista’ jgħaddi lil kulħadd minn għajn il-labra

Dan hekk kif issa l-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri ħabbar ftit tal-jiem ilu li l-Air Malta kienet qiegħda tipprova tikseb approvazzjoni ta’ State Aid mill-Unjoni Ewropea.

Sorsi qrib tagħna fi Brussell qed jgħidu li minħabba li l-Gvern Laburista kien nieda l-kumpanija oħra fl-2018, issa jidher li din tista’ tkun ostaklu enormi biex l-Air Malta jkollha approvazzjoni għal State Aid.

Dan minħabba l-pjan tal-Gvern li jċaqlaq l-operat mill-kumpanija Air Malta għall-kumpanija l-oħra tal-Gvern Malta Med Air.

Prova ċara tirriżulta hekk kif dan is-sajf, biex jiġu mhedda l- piloti mkeċċija, l-Air Malta rrifjutat kuntratt charters ma’ operaturi u aġenziji tal-ivvjaġġar lokali, inklużi l-MFA, fejn l-Air Malta għaddiet il-kuntratti ta’ eluf kbar ta’ ewro lill-Malta Med Air, bl-impjegati tal-Air Malta jaħdmu qatigħ biex jiffaċilitaw ix-xogħol kollu ta’ din l-operazzjoni.

Każ ieħor ta’ kunflitt ta’ interess hu tal-Avukat “tagħna lkoll” Andre Borg li hu konsulent b’uffiċċju fl-Air Malta waqt li dan ukoll jokkupa kariga ta’ Direttur fil-Malta Med Air! Kif dan u ħafna impjegati oħra, inkluż iċ-Chief Commercial Officer Paul Sies, qed jaħdmu fuq il-kotba tal-Air Malta biex imbagħad ix-xogħol jingħata lill-kumpanija Malta Med Air?

Hekk kif fl-2018 l-Eks Ministru Konrad Mizzi kien tenna jgħid li din il-kumpanija mhux se tkun f’kompetizzjoni mal-Air Malta, waqt il-pandemija ġara proprju bil-maqlub fejn il-Ministru tal- Ekonomija Silvio Schembri, responsabbli llum mill-Air Malta, saħaq li “l-linja tal-ajru ġdida Maltija Malta Med Air ġiet imwaqqfa fl-10 ta’ Jannar 2018 mill-Gvern Malti. Din se tkun qed topera minn Marzu tal-2018 fuq bażi ACMI għall-Air Malta, però mil-lum bdiet topera titjiriet bl-ekwipaġġ tagħha biss.”

Dan kollu juri t-tbażwir u t-taħwid bejn ministru u ieħor, kif ukoll jikkonferma l-pjan malizzjuż ta’ Silvio Schembri li biex jimpika mal-piloti, kien u għadu lest li jkisser lill-Air Malta kif ukoll lill-impjiegi ta’ ħafna impjegati oħrajn!

Taħwid u tgerfix kontinwu

Iżda ftit huma dawk li jafu li bejn dan it-taħwid u t-tgerfix kollu hemm fattur komuni li kien il-Konsulent Legali tal-Eks Ministru mkeċċi Konrad Mizzi li kien jaf sewwa ħafna bil-kuntratti ffirmati li hu stess kien awtur tagħhom u li minn meta laħaq Prim Ministru, jew nesa jew marritlu l-memorja u ħalla lill-Ministru Silvio Schembri jdaħħlu fi sqaq bil-Malta Med Air u l- piloti mkeċċija. Dan mhu ħadd ħlief il-Prim Ministru Robert Abela li dakinhar li nħolqot il-Malta Med Air kiteb hekk fuq FaceBook:

“Il-piloti tal-Air Malta se jirċievu żidiet qawwija fis-salarju b’żieda ma’ benefiċċji oħra biex jaħdmu skont standards fl-industrija. Dan magħdud mal-impenn tal-garanzija ta’ xogħol.

“Nappella għar-ragjonevolezza biex l-Air Malta tibqa’ l-linja tal-ajru nazzjonali waħdiena tagħna, u li dawn il-benefiċċji u garanziji mwiegħda lill-piloti ma jintremewx minnhom bin- nuqqas ta’ ffirmar tal-Ftehim Kollettiv.”

Tajjeb li jiftakar ukoll il Prim Ministru Robert Abela x’kien qal dakinhar li fforma l-Kabinett tieghu f’Jannar li għadda fejn sostna hekk:

“Nemmen li l-Air Malta hi kruċjali għal pajjiżna, għandna bżonnha l-Air Malta, inżommuha b’saħħitha.”

Tajjeb ukoll wieħed jistaqsi li b’dan it-tgerfix kollu li hemm, it-talba għal State Aid lill-Unjoni Ewropeja qiegħda wkoll biex ikomplu jistagħnew il-management, kif kien irrapurtat fil-ħarġiet ta’ il-mument li għaddew mit-30 ta’ Awwissu ’l hawn?

Clifford Chetcuti jiftaħar bi pjani fis-sħab

Tajjeb li wieħed jistaqsi, kif l-Eks CEO tal-Air Malta, Clifford Chetcuti, kien qed jiftahar li kellhom pjan biex iġibu ajruplani ġodda għall-Air Malta waqt li f’intervista riċenti, iċ-Chairman in-Nutar Charles Mangion ammetta li dawn l-ajruplani ma kenux għall-Air Malta iżda kienu għall-Malta Med Air?

Forsi nistaqsuh lill-Prim Ministru, li forsi se jitlob lill-Unjoni Ewropeja biex tagħti dawn il-fondi biex jibqa’ għaddej in-neputiżmu sfrenat fl-Air Malta u lill-Bord il-ġdid li kumbinazzjoni huma l-ħbieb tal-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri?

Aktar ma joħorġu skandli, aktar hu ċar li b’dan it-taħwid l-Air Malta qiegħda f’riskju serju fejn ħafna ħaddiema jistgħu jitilfu xogħolhom kif ukoll riskju li l-Air Malta ma tiħux il-fondi li tant għandha bżonn biex tkompli sservi is-servizzi essenzjali lejn pajjiżna!

Dan jikkontradixxi ferm l-isforzi tal-Gvern li jissalvagwardja l-impjiegi mal-privat waqt li jħalli dawn il-pudini jsiru f’dipartimenti tiegħu.

Sadattant aktar kmieni din il-ġimgħa sar magħruf  li l-cabin crew tal-Malta Med Air kienu se jiftħu kawża fit-Tribunal Industrijali kontra l-kumpanija tal-ajru sussidjarja ta’ Ryanair minħabba li qed jallegaw tnaqqis sinifikanti fid-dħul tagħhom b’mod abbużiv u mingħajr ebda konsultazzjoni.

It-tmenin ħaddiem, fosthom Maltin, qed jallegaw ukoll li s-suppliment tal-pagi li l-kumpanija qed tirċievi mill-Gvern mhux jirċevuh b’mod sħiħ.

Madwar tmenin ħaddiem tal-kumpanija tal-ajru Malta Med Air qed jallegaw li sa minn Marzu li għadda esperjenzaw tnaqqis sostanzjali fil-paga u fl-aħħar tliet xhur saħansitra komplew jirċievu inqas ħlas tant li niżel għal medja ta’ €700 inqas fis-salarju tagħhom.

Familji f’diffikultajiet serji

Kien rapportat li wħud mill-ħaddiema mhux jirnexxilhom ilaħħqu bil-paga li qed jirċievu sal-aħħar tax-xahar. Ħaddiema li tkellmu mal-midja bil-kundizzjoni li jibqgħu anonimi, qalu li dan it-tnaqqis sar b’mod arbitrarju u mingħajr qatt ma ġew mgħarrfa jew ikkuntattjati mill-kumpanija li twaqqfet sena ilu bħala sussidarja ta’ Ryanair.

Sandro Vella, is-Segretarju tat-Taqsima tal-Avjazzjoni tal-General Workers’ Union li qed tirrappreżenta lill-ħaddiema, qal li minkejja bosta talbiet, il-kumpanija tal-ajru baqgħet tinjora l-intervent tal-union, tirrifjuta li tikkomunika magħha u rrifjutat ukoll laqgħa virtwali li ssejħet mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi wara li l-union ippreżentat tilwima industrijali fit-23 ta’ Settembru li għadda.

Hu qal li din it-tilwima tressqet minħabba sitt punti, fosthom tnaqqis fil-ħlas lill-membri tal-ekwipaġġ minn Marzu sa issa; it-talba biex għax-xhur li ġejjin il-ħaddiema jieħdu leave bla ħlas; ksur tal-ftehim kollettiv; li l-kumpanija pprovdiet informazzjoni skorretta u li mhux qed tħallas lill-ħaddiema l-benefiċċji tal-leave u tal-mard skont kif stipulat fil-liġi Maltija.

Il-General Workers’ Union qalet li Malta Med Air irrifjutat ukoll laqgħa ta’ konċiljazzjoni msejħa mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali; filwaqt li sostniet li l-impjegati mhux jingħatalhom is-suppliment tal-paga kollu li Malta Med Air qed tirċievi mill-Gvern bħala parti mill-iskema għan-negozji waqt il-Covid. Il-union qalet li fl-isfont ta’ dan l-aġir abbużiv minn din il-kumpanija, m’għandha l-ebda għażla oħra għajr li tibda proċeduri fit-tribunal industrijali.

Intant, Ryanair Holdings, li tinkludi lil Malta Med Air, irrappurtat li bejn April u Settembru li għadda tilfet €197 miljun wara l-ħlas tat-taxxa, hekk kif it-traffiku tal-ajruplani fil-flotta tagħha naqsu bi tmenin fil-mija għal sbatax-il miljun passiġġier, kuntrarju għal kważi 86 miljun li ġarru fl-istess perjodu s-sena li għaddiet.