Lokali

Bernard Grech u l-PN ikomplu jżidu l-appoġġ

L-aqwa riżultat f'dawn l-aħħar tliet snin

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech żied fl-appoġġ fuq ix-xahar li għadda, biex b’hekk irreġistra l-aħjar riżultat f’dawn l-aħħar tliet snin. Il-Partit Nazzjonalista żied 2 punti perċentwali fuq is-survey li sar ix-xahar li għadda.

Skont survey tal-MaltaToday Bernard Grech għandu vantaġġ fuq Robert Abela kemm f’Għawdex kif ukoll fost il-persuni li għandhom edukazzjoni terzjarja. F’Għawdex Bernard Grech jaqbeż lil Robert Abela b’iktar minn 7 punti perċentwali, filwaqt li fost dawk li għandhom edukazzjoni terzjarja, il-vantaġġ huwa ta’ 5 punti perċentwali.

Il-vantaġġ li kellu Robert Abela naqas bi tmien punti perċentwali fost dawk li għandhom bejn is-36 u l-50 sena.

Skont dan is-survey il-Partit Nazzjonalista għandu vantaġġ fuq il-Partit Laburista kemm f’Għawdex kif ukoll fil-Punent ta’ Malta.

Min-naħa l-oħra Robert Abela għadu jgawdi vantaġġ fuq Bernard Grech b’persentaġġ ta’ ftit iktar minn 48%, bid-distakk bejn it-tnejn ikun ta’ 17-il punt perċentwali.

Din hija t-tieni darba li l-Prim Ministru niżel taħt il-50% kemm ilu fit-tmexxija tal-Partit Laburista.

Id-daqqa għall-Gvern ta’ Robert Abela kompliet tinħass fl-aħħar xhur, partikolarment wara l-kritika li rċieva għall-mod kif indirizza l-kriżi tal-pandemija b’messaggi konflingenti li jmorru kontra dak li bdew jgħidu l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika.

L-istess stħarriġ iħares lejn riżultat ta’ Elezzjoni Ġenerali li kieku kellha ssir issa. Is-survey jindika li l-Partit Laburista kapaci jikseb 40.3% tal-voti….. filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jikseb 30%. Dan ifisser l-inqas perċentwal għall-PL fl-aħħar tliet snin ….u l-ikbar ammont għall-PN.

Dan ifisser ukoll l-inqas distakk bejn iż-żewġ partiti sa mill-aħħar Eleżżjoni Ġenerali.

Mill-isess stħarriġ tal-MaltaToday joħroġ li 10% ma jafux lil min se jivvutaw filwaqt li 11.7% wieġbu li mhux se jivvutaw.

Dan is-survey sar wara li Bernard Grech u Robert Abela għamlu d-diskors tagħhom tal-Budget. Skont dan is-survey tal-MaltaToday, iż-żewġ partiti jinsabu kważi fl-istess livell li kienu fl-elezzjoni ġenerali tal-2017.