Futbol Sport

Devis Mangia f’intervent dirett f’Replay tal-lejla, qabel ma jtemm il-kwarantina

Il-kowċ nazzjonali Malti, Devis Mangia se jkun wieħed mill-mistiedna f’Replay tal-lejla l-Ħadd, f’xandira diretta li tibda fid-8:45pm fuq Net Television. Mangia llu għal dawn l-aħħar jiem f’iżolament għaliħ waħdu, wara li rriżultat pożittiv għall-COVID-19 iżda mistenni jirkupra fil-ħin u joħroġ mill-kwarantina, fil-ħin għall-ewwel partita minn tlieta li Malta se tkun qed tilgħab fl-iStadium Nazzjonali f’Ta’ Qali, nhar l-Erbgħa li ġej kontra Liechtenstein. It-Taljan Mangia, se jkun qed jintervjeni f’Replay tal-lejla, b’kollegament awdjo-viżiv, fejn se jkun qiegħed jitkellem dwar l-esperjenza li għaddha minha fl-aħħar jiem, hekk kif għex il-jiem wara li ttestja pożittiv għall-virus, f’iżolament għal kollox waħdu, fl-appartament tiegħu.

Il-Viċi President tal-MFA, Matthew Paris ilejla se jkun il-mistieden ta’ Replay fl-istudio

F’Replay tal-lejla, il-mistieden ewlieni fl-istudio ta’ Replay se jkun il-Viċi President tal-MFA, l-avukat Matthew Paris flimkien mal-mistieden residenti tal-programm, Konrad Sultana. Ma’ Dr Paris, id-diskussjoni se tkun qed tiffoka kemm dwar il-ħidma li saret u li qed issir mill-MFA biex jissaħħu t-timijiet nazzjonali kollha Maltin, aġġornament dwar il-proġetti tal-assoċjazzjoni skont il-programm elettorali li kien ippreżenta l-President tal-MFA, Bjorn Vassallo meta rebaħ l-elezzjoni għall-kariga ta’ President f’Lulju tal-2019, kif ukoll dak li sar u li qed isir bħalissa fir-rigward tar-riformi importanti fi ħdan l-MFA, fosthom il-liċenzjar tal-klabbs u l-branding tal-Kampjonati ewlenin li torganiżża l-istess MFA.

F’Replay tal-lejla, ma tonqos l-intervista popolari ta’ kull ġimgħa mir-rubrika ‘Replay Drive’. Illejla l-mistieden se jkun wieħed speċjali u tal-okkażżjoni; il-captain tat-tim nazzjonali Malti, Michael Mifsud qabel ma’ jilgħab l-aħħar partita tiegħu ma’ Malta nhar l-Erbgħa li ġej.

Michael Mifsud se jkun il-mistieden fir-rokna popolari ‘Replay Drive’ li ġimgħa wara l-oħra titwassal bl-appoġġ ta’ Continental Cars.

Sintendi, bħal kull nhar ta’ Ħadd, l-ewwel parti ta’ Replay, b’verżjoni iqsar, mexxejja u differenti minn dik ta’ filgħaxija, tixxandar fis-6:40pm permezz tal-programm apposta, Replay Live Score. F’dan il-programm illum, fin-nuqqas tal-partiti mill-Kampjonat Premier, se jkun hemm ħarsa speċifika lejn il-Kampjonati l-oħra tal-MFA, il-futbol f’Għawdex u sintendi l-Kampjonati ewlenin u l-aktar popolari mal-Maltin, fl-Ewropa.