Futbol Sport

Draw f’Ruma u f’Bergamo

(Ritratt: EPA)

Gowl lejn it-tmiem ta’ Caicedo ċaħħad lil Juventus minn tliet punti kontra Lazio. Cristiano Ronaldo fetaħ l-iskor għal Juventus wara kwarta logħob meta mill-viċin ikkonkluda fuq cross ta’ Cuadrado. Lazio baqgħu fil-partita sat-tmiem u kien Felipe Caicedo li fil-ħames minuta tal-ħin addizzjonali għamilhom 1-1 u salva punt għat-tim minn Ruma.

Fil-Gewiss Stadium Atalanta u Inter temmew fi draw ta’ 1-1. Kien Lautaro Martinez li fetaħ l-iskor għal Inter b’daqqa ta’ ras tajba fuq cross ta’ Ashley Young. Atalanta ġabu d-draw ħdax –il minuta mit-tmiem permezz ta’ Aleksey Miranchuk li kkonkluda fuq pass ta’ Muriel.

Hat-trick ta’ Henrikh Mkhitaryan kien biżejjed biex Roma kisbu rebħa ta’ 3-1 fuq Genoa u b’hekk telgħu fit-tielet post tal-klassifika. Roma fetħu l-iskor fit-tieni minuta tal-ħin mogħti żejjed fl-ewwel taqsima meta Mkhitaryan ikkonkluda bir-ras fuq corner ta’ Veretout. Marko Pjaca ġab id-draw għal Genoa fil-50 minuta fuq pass ta’ Scamacca. Mkhitaryan tefa’ lil Roma fil-vantaġġ fis-67 minuta b’konklużjoni mill-ewwel minn pass ta’ Peres, biex l-istess Mkhitaryan skorja t-tielet gowl u personali u t-tielet wieħed għal Roma fil-85 minuta.

F’partita oħra Torino u Crotone ħadu punt kull wieħed meta temmew fi draw ta’ mingħajr gowls. Crotone temmew il-konfront b’għaxar plejers fejn fis-87 minuta Sebastiano Luperto ntwera’ t-tieni karta safra wara fawl tattiku fuq Andrea Belotti.