Lokali

“Il-Gvern qed joħloq biss skużi politiċi” – MUMN

“Il-Gvern qed joħloq skużi politiċi biex jgħatti l-fatt li l-vaċċin tal-influwenza diġa’ qiegħed iktar minn ġimgħa tard mid-data mwiegħda.”

Kliem il-President tal-MUMN, Paul Pace f’intervista li kellu ma’ The Malta Independent on Sunday. Il-Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne kien wiegħed it-tieni konsenja ta’ dan il-vaċċin fl-1 ta’ Novembru… iżda iktar minn tmint’ijiem wara, in-nies għadhom jistennew.

Filfatt Chris Fearne ikkonferma mal-ġurnalisti ftit tal- ġranet ilu li t-tilqima tal-influwenza għadha ma waslitx. Fl-istess nifs, hu stqarr li mhux tajjeb li t-tilqima tinghata f’salt.

Iżda Paul Pace qal li dan mhux vera tant li fis-snin preċedenti dan l-argument qatt ma ssemma. Hu qal li herd immunity ma tgħoddx f’dan il-każ u fil-fatt hi biss skuża biex jaħbi d-dewmien u n-nuqqas ta’ vaċċin għall-poplu Malti kollu.

Il-President tal-MUMN kompla jgħid li din is-sitwazzjoni waslet biex uħud laħqu ħadu dan il-vaċċin tal-influwenza iżda oħrajn ma messithomx l-istess xorti.

Min-naħa tiegħu l-President tal-MAM, Martin Balzan saħaq li dak li qed jgħid il-Gvern imur kontra dak li qed tgħid l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa fejn qed tisħaqq l-importanza li kulħadd jieħu l-vaċċin tal-influwenza kemm jista’ jkun malajr.