Lokali

“Il-poplu Malti u Għawdxi jrid tama ġdida għal pajjiżu” – PN

Fil-ġimgħa li l-Partit Laburista bagħat persuna b’sentenza kriminali biex tirrappreżenta lil Malta fil-Parlament Ewropew, Robert Abela mhux kredibbli meta jitkellem fuq is-saltna tad-dritt. Fi stqarrija il-Partit Nazzjonalista qal li Robert Abela għandu jdur dawra madwaru l-ewwel u jieqaf jiddefendi persuni qrib tiegħu li qegħdin ikomplu jagħmlu ħsara l-kredibbiltà u r-reputazzjoni ta’ pajjiżna b’theddida għall-ekonomija u l-għixien tan-nies.

Dan wara li Robert Abela reġa’ wera li l-Partit Laburista ma jirrispettax l-awtonomija u r-rwol li s-soċjetà ċivili għandha f’demokrazija.

Il-poplu Malti u Għawdxi irid li jissaħħaħ flimkien u għalhekk għandu bżonn tama ġdida li tpoġġi tassew lill-bniedem fiċ-ċentru tal-politika u li tixprunana sabiex ma’ kull min hu ta’ rieda tajba, hi x’inhi l-opinjoni, niddjalogaw sakemm insibu l-kunsens l-aktar wiesgħa possibbli fuq is-soluzzjonijiet meħtieġa fid-diversi oqsma ekonomiċi, soċjali, politiċi u kulturali. Il-Partit Nazzjonalista diġa’ qieghed jaghmel dan, anki wara li ppreżenta l-viżjoni tiegħu permezz ta’ 12-il pilastru li fuqhom u permezz tagħhom nistgħu nifdu lil pajjiżna sabiex b’hekk inkunu nistgħu verament nikbru u nissaħħu flimkien.