Internazzjonali

Joe Biden iwiegħed li jgħaqqad lill-Amerikani

Fl-ewwel diskors tiegħu minn meta l-indikazzjonijiet bdew juru li Joe Biden ser ikun il-President tal-Istati Uniti, Biden wiegħed li jgħaqqad lill-Amerikani u jfejjaq firdiet profondi madwar il-pajjiż.

Hu wiegħed li jaħdem b’qalbu kollha biex jirbaħ l-approvazzjoni tal-poplu kollu. Biden saħaq li jifhem li dawk li vvutaw lil Donald Trump jinsabu xi ftit imweġgħa pero ħareġ l-id tal-ħbiberija u saħaq li issa hemm bżonn li ż-żewġ naħat jagħtu ċans lil xulxin. “Wasal iż-żmien li titwarrab ir-retorika ħarxa u nisimgħu lil xulxin.”

Kamala Harris, il-viċi president eletta, introduċiet lil Biden waqt drive-in rally f’Wilmington. Hi faħħret lill-uffiċjali li ssorveljaw l-għadd tal-voti. Waqt li rrikonoxxiet lir-rwol storiku tagħha bħala l-ewwel mara fis-siġġu ta’ Viċi President, Harris qalet li filwaqt li hi l-ewwel mara f’dan l-uffiċċju, mhux se tkun l-aħħar waħda għax kull tifla żgħira li qed tara lilha qed tinnota li dan huwa pajjiż ta’ kull possibbilta.

Min-naħa l-oħra, Donald Trump baqa’ ma kkonċediex it-telfa, baqa’ jisħaq li kieku ma kienx hemm frodi fil-voti hu kien jirbaħ din l-elezzjoni. Filwaqt li kien qiegħed fuq ‘golf trip‘ Trump reġa’ saħaq li dan kollu ser imur fil-qrati fejn jistenna li hemmek toħroġ id-deċiżjoni finali ta’ min ser ikun fil-Whitehouse għall-erba’ snin li ġejjin.