Futbol Sport

Leicester kmandi wara rebħa minima fuq Wolves

(Ritratt: EPA)

Leicester City telgħu fil-quċċata tal-Premier Ingliż grazzi għal rebħa fuq Wolverhampton Wanderers fil-King Power Stadium. It-tliet punti importanti waslu grazzi penalty diskutibbli skurjat wara biss 15-il minuta minn Jamie Vardy u li kellu jkun id-differenza bejn dawn iż-żewġ tims.
Il-Foxes ħarġu jfittxu gowl kmieni u wara perjodu ta’ pressjoni, id-difensur ta’ Wolves Max Kilman żamm il-ballun fil-kaxxa fuq il-cross ta’ Dennis Praet – bil-plejers sħabu jipprotestaw fit-tul għad-deċiżjoni li ngħatat wara konsultazzjoni mal-VAR. Intant, VARDY għeleb lil Rui Patricio mill-ħdax-il metru, iżda ftit qabel il-mistrieħ, il-gowlkiper Portugiż ta’ Wolves kellu s-sodisfazzjon li jsalva tieni penalty mogħti minn Vardy, wara li Rayan Ait-Nouri kien waqqa lil James Justin fil-kaxxa.


Fit-tieni taqsima, Wolves waslu viċin il-gowl tad-dro meta Pedro Neto spiċċa f’pożizzjoni ideali u fejn kellu jkun Wesly Fofana li salva r-riżultat għall-Foxes b’intervent f’waqtu. Wolves komplew jagħfsu, b’Kilman jispara barra mill-viċin u b’Kaspar Schmeichel iwettaq save diffiċli fuq Ruben Neves – bl-iskor ma jinbidilx.


Tottenham Hotspur ħallew għat-tard biex jegħlbu lil West Bromwich Albion f’The Hawthorns – u fejn kellu jkun il-prolifiku Harry Kane li sammar fix-xibka bir-ras għall-uniku gowl tal-logħba Y li kien ukoll il-150 wieħed tiegħu fil-Premier League. Ir-rebħa kompliet tikkonferma l-mument maġiku ta’ Spurs u meta f’Kane sabu attakkant li kapaċi japprofitta mill-iċken opportunità f’logħba li ftit ipproduċiet azzjonijiet fuq iż-żewġ lasti.
L-aktar mumenti denji ta’ nota waslu meta l-gowlkiper ta’ Spurs, Lloris, salva b’diffikultà id-daqqa ta’ ras ta’ Darnell Furlong, b’Tottenham, fl-aħħar ħinijiet, ifallu żewġ okkażjonijiet tajbin quddiem il-lasta ta’ Johnstone.


Il-mument deċiżiv wasal meta d-difiża ta’ West Brom naqset milli żżomm lil Kane fil-kaxxa, bl-attakkant jogħla tajjeb għall-cross ta’ Matt Doherty biex jegħleb lil Johnstone b’header perfett għal tliet punti importanti.
Liverpool fallew iċ-ċans li jitilgħu mill-ġdid fl-ewwel post tal-Premier League wara li spiċċaw fi dro, 1-1, ma’ Manchester City fl-Etihad Stadium. Ir-riżultat ifisser li r-Reds ta’ Jurgen Klopp, issa, qegħdin jaqsmu t-tieni post ma’ Tottenham bi 17-il punt kull wieħed u meta Liverpool għandhom differenza ta’ gowls inferjuri.


Intant, Liverpool marru fil-vantaġġ wara biss 13-il minuta minn penalty li ngħata għall-fawl ta’ Kyle Walker fuq Sadio Mane. Inkariga ruħu l-attakkant Eġizzjan Mo SALAH li ma falliex fl-isfida tiegħu ma’ Ederson.
Man City irreaġew għad-disfatta bikrija u man-nofs-siegħa logħob, GABRIEL JESUS dar ma’ Trent Alexander-Arnold u għeleb lill-gowlkiper, Alisson b’xutt fil-baxx għar-rokna. Madankollu, il-captain ta’ City Kevin De Bruyne falla ċ-ċans tal-vantaġġ mill-penalty spot, meta, fl-aħħar tal-ewwel taqsima, ra t-tentattiv fil-baxx jgħaddi ftit barra, Il-penalty kien ingħata fuq konsultazzjoni mal-Var u wara li Joe Gomez mess il-ballun b’idu fil-kaxxa.