Internazzjonali

Myanmar: Elezzjoni kruċjali għal Aung San Suu Kyi …

Miljuni ta’ nies ivvutaw fl-elezzjoni ġenerali ta’ Myanmar – bil-proċess ikun it-tieni ta’ dan it-tip mindu ntemmet il-ħakma militari tal-pajjiż, fl-2011.

L-elezzjoni, fil-fatt, qed issir ħames snin wara li Aung San Suu Kyi kienet kisbet rebħa elettorali kbira u fejn rnexxielha tissieħeb f’patt għall-qsim tal-poter mal-Ġenerali tal-Armata, li minkejja kollox għadhom ferm influwenti f’dan il-pajjiż.

Sadanittant, Aung San Suu Kyi għadha ferm popolari fi Myanmar u mistennija tirbaħ din l-elezzjoni.

Mill-banda l-oħra, iżda, Suu Kyi – ikonu internazzjonali li snin ilu rebħet il-Premju Nobel għall-Paċi – tilfet ħafna ġieħ, fl-aħħar xhur, minħabba r-reazzjoni ‘diżappuntanti’ tagħha għall-kriżi umana ‘tar-Rohingya’.

Dan wara li mijiet ta’ eluf ta’ Musulmani tal-komunità tar-Rohingya, fl-2017,  kienu kostretti  jaħarbu minn offensiva tal-Armata ta’ Myanmar. Kelliema għall-Armata qalu li l-militar kien qed imexxi l-azzjonijiet kontra ‘militanti perikoluża’ iżda n-Nazzjonijiet Uniti fissret l-offensiva bħala ‘eżerċizzju ta’ tindif etniku’ u li fih saru diversi atroċitajiet ma’ persuni innoċenti.