Il-President tal-Ażerbajġan, waqt diskors dwar l-aħħar żviluppi tal-konflitt li għaddej bħalissa f’Nagorno-Karabakh, sostna li l-qawwiet tal-Ażerbajġan irnexxilhom jaħtfu l-kontroll f’belt importanti tar-reġjun polemikuż li ilu l-għexieren tas-snin jikkaġuna l-ġlied mal-qawwiet tal-Armenja.
Il-President, Ilham Aliyev, ħabbar lil pajjiżu li t-truppi Ażeri, fl-aħħar sigħat, kienu ħatfu u okkupaw il-belt strateġika ta’ Shusha. Madankollu l-Armenja ma tilfitx iż-żmien biex tiċħad għall-kummenti ta’ Aliyev waqt li qalet li l-ġlied għall-kontroll tal-belt kien għadu għaddej.
F’każ li l-qawwiet Ażeri jirnexxilhom jaħtfu din il-belt, l-iżvilupp irid jitqies bħala kisba importanti ħafna għall-Ażerbajġan f’dan il-konflitt qalil.
Dan meta l-komunità internazzjonali tirrikonoxxi lit-territorju ta’ Nagorno Karabakh bħala parti mill-Ażerbajġan – minkejja li hu amministrat mill-Armeni-etniċi li, min-naħa tagħhom, huma appoġġjati mill-Gvern tal-Armenja.
Il-belt ta’ Shusha tinsab qalb l-għoljiet li jħarsu direttament għal fuq Stepanakert, li hi l-belt ewlenija ta’ Nagorno-Karabakh. F’każ li l-qawwiet Ażeri jokkupaw l-inħawi partikulari, huma jkunu aċċertaw minn zona importanti minfejn ikunu jistgħu jmexxu offensiva ewlenija fuq il-qawwiet Armeni-etniċi li qegħdin jiddefendu l-inħawi ta’ Stepanakert.
//= $special ?>